Quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco, xehdu omm u bintha ta’ 11-il sena b’rabta ma’ każ fejn il-missier ta’ 44 sena mill-Mosta weġġa’ lill-istess tifla wara li ħebb għaliha f’argument dwar tablet. Ismijiet tal-persuni ma jistgħux jixxandru fuq ordni tal-Qorti.
Fil-Qorti, l-omm xehdet li, dakinhar tal-argument, hi ma kinitx preżenti, waqt li t-tifla qalet li kulma tiftakar mill-inċident kien li qabdet il-mobile u t-tablet u ħarġet bihom fit-terazzin.
Minn hemm ’il quddiem, imbagħad, tiftakar li sabet ruħha mal-art b’xi ksur f’ġisimha u kien hawn meta ċemplet lil ommha.
Waqt li l-każ ikompli, il-missier ingħata bail, b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €3,000, irid ikun ġewwa bejn il-ħdax ta’ filgħaxija u t-tmienja ta’ filgħodu u jrid jirrapporta fl-Għassa tal-Pulizija tal-Mosta kull nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Sibt.
L-Avukata Francesca Zarb dehret għall-missier, filwaqt li l-Avukat Stephanie Caruana dehret bħala parte civile.