F’kummenti li tat lit-Times fil-ħarġa tagħha tal-Ġimgħa, is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Dr Joyce Cassar, qalet li hi biss l-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, li qed iżżomm milli jintlaħaq qbil dwar il-ftehim settorjali l-ġdida għall-ħaddiema tal-MCAST.
Is-sitwazzjoni hi attwalment staġnata, wara li l-unjin baqgħet tinsisti li żżomm id-direttivi, li qed jaffettwaw ħażin il-perkors tal-istudenti, anke jekk dawn ġew deskritti bla sens u mhux sostenibbli mill-amministrazzjoni pubblika.
Fost l-oħrajn, il-President tal-MUT stess, Marco Bonnici, ikkonferma waqt protesta quddiem il-Ministeru għall-Edukazzjoni nhar it-Tlieta, li talbet għall-ħlas ta’ €400 għal kull karta tar-resit, fost l-oħrajn.
ĠURNALIST: “Imma veru għamiltu din it-talba?”
MARCO BONNICI: “Le, it-talbiet hemm kienu u t-talbiet kollha hemm qegħdin.
Is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Dr Joyce Cassar, ikkonfermat dan ukoll fl-artiklu tat-Times fejn ħabbret li din il-proposta, flimkien mal-proposta ta’ għaxart ijiem iżjed leave, huma wħud mill-proposti li tressqu.
Hi żiedet tgħid ukoll li mhuwiex fir-rwol tal-unjin li tiddetta fuq kif għandu jaħdem il-Gvern u li hi mhix responsabbli mid-dewmien biex jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet. Iżjed minn hekk, saħqet li fl-aħħar tmin ġimgħat biss saru 15-il laqgħa għal dan il-għan u, wara l-aħħar waħda, ittieħdet id-deċiżjoni li jridu jiġu sospiżi d-direttivi b’rispett lejn l-istudenti. Xi ħaġa li l-MUT ma laqgħetx.
Fl-artiklu, Cassar temmet tistaqsi jekk l-MUT temminx li hi aħjar minn unjins oħrajn.