Il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti vvutat kontra miżura tal-finanzi mressqa minn Donald Trump bil-konsegwenza li l-gvern ma jkunx jista jkompli jiffunzjona.
Proposta riveduta tal-pjan tal-infiq naqset milli ġġib maġġoranza ta’ żewġ terzi bi 38 Repubblikan jisfidaw lill-President Elett u jivvutaw kontra l-abbozz.
Trump kien waqqaf ftehim preċedenti ta’ finanzjament li r-Repubblikani kienu għamlu mad-Demokratiċi wara li kien ġie kkritikat bl-aħrax mill-biljunarju Elon Musk.
Hekk kif falla l-vot b’174 favur u 235 kontra, l-iSpeaker tar-Repubblikani Mike Johnson qal li kien se jsib soluzzjoni oħra qabel tmiem il-ġimgħa, meta jiġi fi tmiemu l-baġit tal-gvern.
Il-proposta approvata minn Trump kienet torbot il-finanzi tal-gvern ma’ sospensjoni ta’ sentejn tal-limitu tad-dejn federali li jidditermina kemm-il gvern jista’ jissellef biex iħallas il-kontijiet.
Iżda r-Repubblikani ribelli oġġezzjonaw għax ma jridux li l-infiq tal-gvern jiżdied, filwaqt li d-Demokratiċi vvutaw kontra għax sostnew li s-self żejjed kien se jintuża biex jinqatgħu inqas taxxi mingħand is-sinjuri.
Jekk ma tinstabx soluzzjoni u ma tiġiex estiża d-data ta’ skadenza, l-Gvern Amerikan jibda shutdown parzjali li tinterrompi l-fondi ta’ kollox minn infurzar fuq il-fruntieri sa ġonna nazzjonali u ma jinħarġux il-pagi għal aktar minn żewġ miljun ħaddiem federali. L-amministrazzjoni Amerikana tat-Trasport u s-Sigurtà diġà avżaw li dawk kollha li se jkunu qed jivjaġġaw matul iż-żminijiet tal-festi jafu jiffaċċjaw dewmien twil fl-ajruporti.