“L-unika rebħa li jista’ jkollna hi li din il-gwerra tieqaf darba għal dejjem.” Dan intqal mill-Prim Ministru Malti Robert Abela f’kummenti li ta lill-midja lokali waqt il-Kunsill Ewropew li, fost l-oħrajn, ittratta l-Gwerra fl-Ukrajna.
“U nemmen li din id-darba hemm il-possibbiltà reali jekk kulħadd juri ċerta doża ta’ realiżmu wkoll, jiġifieri l-Ukrajna minn naħa waħda, ir-Russja min-naħa l-oħra, persważ li l-isforz tal-amministrazzjoni Trump se jkun qiegħed hemmhekk fid-direzzjoni t-tajba. Miegħu jrid jingħaqad ukoll l-isforz Ewropew, jiġifieri tagħna s-sebgħa u għoxrin stat membru.”
Filwaqt li appella għall-paċi fit-tul, fid-dawl li din il-gwerra dalwaqt tidħol fit-tielet sena tagħha, Dr Abela sostna l-prinċipji ta’ pajjiżna b’rabta ma’ din il-gwerra.
“Il-punt tat-tluq għandu jibqa’ dejjem li l-Ukrajna kienet il-vittma ta’ aggressjoni inġusta mir-Russja, dan jibqa’ l-punt tat-tluq. Iżda punt ieħor tant importanti hu l-eluf kbar ta’ persuni, ħafna minnhom nies innoċenti, tfal, nisa, ġenituri u anzjani li tilfu ħajjithom innoċentament. Imbagħad għandek vera l-argument li din hi gwerra li l-Ewropa ma taffordjax li titlef, li hi perspettiva oħra. Però jiena ngħid li llum il-ġurnata rridu nibdew naraw jekk għandniex nibdew inħarsu lejn din il-kwisjoni b’doża ta’ realiżmu u prammatiżmu wkoll.”
Dan il-Kunsill, li għalih attenda wkoll il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, għaqqad mas-summit tal-Erbgħa li l-mexxejja Ewropej kellhom ma’ dawk tal-pajjiżi tal-Balkani.
B’reazzjoni għal-laqgħa li kellu fil-marġini tal-Kunsill Ewropew ma’ għadd ta’ mexxejja Ewropej u rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea, Dr Abela innota b’sodisfazzjon kif il-pożizzjoni ta’ Malta dwar l-immigrazzjoni rregolari qed tkun aktar adottata.
“Li ninnota hu li pajjiżna fejn tidħol il-politika ta’ ritorn enfasizza ħafna dwarha u wieħed mill-akbar suċċessi li kellna fil-politika li tirregola l-immigrazzjoni rregolari kien propju fil-politika ta’ ritorn, jiġifieri t-twaqqif tal-wasliet kellna suċċessi tajbin, però fil-politika tar-ritorn lejn dawk il-pajjiżi li huma meqjusin bħala siguri, hemmhekk ħdimna ħafna fuqha, insellem il-ħidma tal-Ministru Byron Camilleri u t-tim tiegħu, ħdimna ħafna fuqha u rnexxielna u dak is-suċċess irrid narah ittrasportat fuq livell Ewropew.”
Fil-fatt kien permezz ta’ kitba fuq il-midja soċjali fejn il-Prim Ministru Malti stqarr li pajjiżna għaraf jikkonvinċi fuq din il-politika, filwaqt li qal kif qed issir kollaborazzjoni ma’ pajjiżi oħrajn biex jiġu żviluppati metodi ġodda li jsibu bilanċ aħjar bejn il-protezzjoni ta’ dawk fil-bżonn u r-ritorn ta’ dawk li jabbużaw, għax m’għandhomx dritt għall-ażil.
Kien hawn li ħabbar kif matul is-sena d-dieħla din il-ħidma mistennija li tara l-introduzzjoni ta’ regoli ġodda tal-Unjoni Ewropea fejn jidħol ir-ritorn.