Il-kampanja tal-Istrina BOV Piggy Bank għal din is-sena, li tnediet fl-aħħar ta’ Ottubru li għadda mill-President innifisha Myriam Spiteri Debono u l-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia, daħlet fl-aħħar stadju tagħha.
Fl-aħħar jiem, il-President żaret lill-voluntieri fil-kwartieri tal-Bank Of Valletta, li qed jgħoddu l-kontribuzzjonijiet li nġabru mill-istudenti f’Malta u Għawdex, fejn intlaqgħet mill-ogħla uffiċjali tal-bank.
Din is-sena l-kampanja għamlet pass ’il quddiem bl-użu ta’ piggy banks, li jistgħu jerġgħu jintużaw, favur kuxjenza akbar ambjentali u tnaqqis fl-iskart.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV enfasizza l-impatt tal-kampanja, li fil-21 sena li ilha ssir inġabru aktar minn €3 miljun, li marru għand il-Malta Community Chest Fund.
Il-President Spiteri Debono enfasizzat l-impatt edukattiv tal-kampanja, li tgħallem it-tfal il-valuri tal-ġenerożità u l-altruwiżmu. Is-somma finali miġbura minn din il-kampanja tiġi ppreżentata waqt it-trasmissjoni diretta tal-Istrina nhar is-26 ta’ Diċembru.