Rapport dettaljat ħafna tal-ekonomista tal-Bank Ċentrali, Glenn Abela, jikkonferma kemm iż-żieda, li ngħatat fil-paga minima, diġà kkontribwiet u se tkompli tikkontribwixxi biex tnaqqas il-proporzjon ta’ dak f’riskju ta’ faqar.
Grazzi għall-qbil milħuq mal-imsieħba soċjali, il-paga minima se tiżdied bi 8% sal-2027. Dan minbarra ż-żidiet tal-għoli tal-ħajja u titjib f’benefiċċji oħrajn, li jgawdu minnhom dawk fuq il-paga minima, bħall-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja u l-In-Work Benefit.
Fuq medda ta’ għaxar snin il-paga minima se tkun żdiedet minn €170 fil-ġimgħa għal €235, li tifsser żieda ta’ €65 jew medja ta’ madwar €6.50 fil-ġimgħa.
Imqabbel mas-27 sena ta’ qabel, iż-żieda kull sena kienet ta’ €3.40 fil-ġimgħa, li jfisser li t-titjib tal-lum fil-paga minima se jkun kważi d-doppju ta’ dik li konna mdorrijin biha qabel.
Abela jinnota wkoll kif it-tkabbir imbassar fil-paga minima f’Malta jiżboq sew dak osservat fil-bqija tal-Unjoni Ewropea.
L-ekonomista tal-Bank Ċentrali jistma li dawk il-familji b’membri, li jaqilgħu l-paga minima, se jaraw id-dħul tagħhom jiżdied bi kważi 3% wara t-taxxa.
Imma mhux se jkunu dawn il-familji biss li jgawdu miż-żidiet imħabbrin. Dan għax iż-żieda fil-paga minima se twassal biex dawk il-ħaddiema li kienu jaqilgħu ftit aktar mill-paga minima wkoll jieħdu żieda, ħalli min iħaddem jibqa’ jżomm ir-relattività u ma jispiċċax jitlef il-ħaddiema.
B’hekk, għalkemm huma ftit il-ħaddiema f’Malta li jaqilgħu l-paga minima, l-ekonomista jikkalkula li d-dħul tal-ħaddiema kollha bħala medja se jkun żdied b’1% bl-effett ta’ dan.
Huma biss wieħed minn kull mitt ħaddiem li huma fuq il-paga minima f’pajjiżna, proporzjon żgħir meta mqabbel ma’ diversi pajjiżi oħrajn, bl-ekonomista tal-Bank Ċentrali jindika li, sal-2027, madwar 18 minn kull mitt ħaddiem se jaraw żieda fil-paga minħabba d-deċizjoni li tiżdied il-paga minima.
Dan it-titjib mistenni jkollu wkoll impatt qawwi fuq il-proporzjon ta’ ħaddiema fuq paga minima f’riskju ta’ faqar. Din bħalissa tlaħħaq kważi 17 minn kull 100 persuna. Grazzi għaż-żieda fil-paga minima, kważi wieħed minn kull għaxar persuni li huma f’riskju ta’ faqar se jinħarġu minn din il-qagħda vulnerabbli sa sentejn oħra.
Dawk li jargumentaw kontra żidiet fil-paga minima jħobbu jsostnu li dawn iwasslu għal tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku, żieda fil-qgħad u għal għoli tal-ħajja esaġerat.
Imma l-analiżi tal-ekonomista tal-Bank Ċentrali tindika li dan mhuwiex minnu, tant li jikkonkludi li “din il-politika se ttejjeb il-ppożizzjoni relattiva ta’ dawk li jaqilgħu l-inqas fl-ekonomija u l-familji tagħhom, waqt li se jkollha riperkussjonijiet minimi makro-ekonomiċi.”