Minn waranofshinar tal-Erbgħa, it-Tielet Reġiment tal-Forzi Armati ta’ Malta organizza mixja minn Pembroke sal-Belt Valletta, bil-għan li jinġabru fondi b’risq Puttinu Cares u jqajmu aktar għarfien dwar il-ħidma straordinarja li twettaq din l-organizzazzjoni mhux governattiva.
Is-suldati waslu fil-Belt Valletta għall-ħabta tas-6:00 ta’ filgħaxija fejn membri mill-pubbliku wkoll ingħaqdu magħhom f’din l-attività mhux tas-soltu u li misset il-qlub ta’ bosta li nzertawhom fit-triq jew laqgħuhom fid-daħla tal-kapitali.
Crew ta’ ONE News kien ukoll preżenti fil-Belt fl-atmosfera ta’ solidarjetà li kien hemm.
Dawk kollha li niżlu apposta jew inzertaw fuq il-post ikkontribwew b’mod ġeneruż għal din il-kawża u l-inizjattiva tas-suldati, fost it-tifħir għas-solidarjetà li għoġobhom iroddu f’dan iż-żmien festiv.
ONE News hu informat li, bejn il-mixja fil-lokalitajiet kollha li għaddew minnhom u l-waqfa fil-kapitali, is-suldati rnexxielhom jiġbru somma li taqbeż aktar minn €10,000.
Hawn ukoll stajna nitkellmu mal-familja ta’ Francesco, li ta’ ħmistax-il sena nstab li kellu l-kanċer u kien fost l-eluf ta’ wlied li ngħataw l-appoġġ u l-imħabba kollha minn Puttinu Cares.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2024/12/19104114/Screenshot-2024-12-19-at-10.35-1024x556.jpeg)
Għalkemm, sfortunatament Francesco llum m’għadux magħna, il-qraba tiegħu xorta ħassew li għandhom jagħtu s-sostenn tagħhom b’risq pazjenti oħrajn żgħar li jkollhom jgħaddu minn dan id-dulur tal-ħajja.
“Aħna t-tifel tagħna ta’ 15-il sena nstab bil-kanċer. Kien tifel normali, kien jitħarreġ il-Muay Thai, kien persuna attiva anke fl-isports, imma kellu jaqbad din il-marda u malli dħalna fil-ward, Puttinu mal-ewwel kien hemm għalina, ried jara kif ħa jferrħu f’dan iż-żmien. Baqa’ magħna matul il-miġja kollha sakemm ħalliena f’Settembru li għadda.”
Dorianne, Luke u Maria, Il-Familja ta’ Francesco
Wara t-telfa kbira f’ħajjithom, xorta waħda baqgħu f’kuntatt ma’ Puttinu u kontinwament jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-organizzazzjoni fl-attivitajiet li jiġu organizzati.
“Puttinu xorta baqa’ daqslikieku parti mill-familja tagħna, jiġifieri bqajna f’kuntatt magħhom u aħna nagħmlu kollox biex inkomplu ngħinu lil Puttinu, għax aħna sibnieh hemm u nirrigrazzjaw lil kulħadd li taw donazzjoni lil Puttinu.”
Dorianne, Luke u Maria, Il-Familja ta’ Francesco
Kull xahar, madwar 80 pazjent minn Malta jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit għal kura medika, xi ħaġa li ġġib magħha spejjeż kbar ħafna, waqt li l-organizzazzjoni mwaqqfa minn Dr Victor Calvagna u Rennie Zerafa fl-2002, toffri b’xejn l-akkomodazzjoni lil tant familji li jintlaqtu ħabta u sabta minn dan is-saram.
Minbarra hekk, bħalissa, Puttinu għadha għaddejja bl-akbar proġett tagħha, ir-ristrutturar ta’ binja fil-qalba ta’ Londra, li se tibda tilqa’ l-pazjenti ftit bogħod mill-isptarijiet prinċipali.
Il-binja, li nxtrat fl-2022, se jkun fiha 27 appartament wara li jitlesta l-proġett stmat madwar €20 miljun, li ħames miljuni minnhom ukoll inħarġu mill-Gvern Malti.
Din se tissemma għal Dr Calvagna, li miet ftit inqas minn tliet snin ilu.