Il-Ministru għall-Enerġija fl-Iżvezja, Ebba Busch, iddikjarat li l-pajjiż qed isibha diffiċli jiġġieled il-prezzijiet dejjem jogħlew tal-enerġija, b’raġuni ewlenija tkun li parti mill-provvista nazzjonali trid tgħaddi b’obbligu lill-pajjiż ġar, il-Ġermanja, li, min-naħa l-oħra, gradwalment qed iżarma l-impjanti nukleari tiegħu.
Busch qalet li tinsab irrabjata għall-Ġermaniżi li ħadu d-deċiżjoni favur pajjiżhom, kif għandhom dritt jagħmlu, iżda b’konsegwenzi serji fuq l-Ewropa kollha.
Dan għax meta l-impjanti Ġermaniżi ma jipproduċux biżżejjed enerġija b’sorsi alternattivi, jiġi importat l-elettriku dirett mill-Iżvezja u b’hekk tonqos il-provvista għall-konsumaturi Żvediżi u l-prezz jogħla.
Il-mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għas-suq tal-enerġija, iddisinjat biex isaħħaħ il-provvisti bejn il-fruntieri, qed ikompli jiggrava s-sitwazzjoni.
Issa l-Gvern Żvediż qed jiffaċċja sitwazzjoni fejn il-prezzijiet tal-elettriku qed jiddiversifikaw skont ir-reġjuni u dan l-aħħar dawn għolew sew fin-Nofsinhar tal-pajjiż, bil-Prim Ministru Ulf Kristersson jgħid li l-gvern mhux kontra li joħroġ xi forma ta’ għajnuna għall-familja u n-negozji jekk tinħass il-ħtieġa għax-xitwa.
Dawn il-kummenti waslu ġurnata wara li Kristersson ukoll iddikjara li ġejjin żminijiet iebsin, kawża wkoll tal-għeluq ta’ nofs l-impjanti nukleari fil-pajjiż bejn l-2019 u l-2020.
Il-midja lokali rrapportat li l-prezz tal-elettriku fin-Nofsinhar tal-Iżvezja issa hu 18,000% ogħla minn partijiet oħra tal-pajjiż, fejn għad mhemmx konnessjoni adegwata tal-enerġija bejn ir-reġjuni.
Skont il-Ministru Busch, aktar enerġija nukleari u idroelettrika hi essenzjali biex il-prezzijiet tal-enerġija jkunu stabbli fil-pajjiż kollu u l-gvern qabel fuq serje ta’ miżuri li se jkunu attwati sas-sena 2030 għal dan il-għan.