Id-Deputat Mexxej u MPE Laburista Alex Agius Saliba laħaq tragward notevoli wara li kiseb maġġoranza assoluta f’sessjoni tal-Parlament Ewropew għal rapport li ħejja sabiex tiġi evalwata l-ħidma tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2023. Agius Saliba wettaq din il-ħidma bħala r-rappreżentant tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Ir-rapport imħejji minn Agius Saliba jita dawl dwar oqsma li jimmeritaw titjib filwaqt li jirrikonoxxi l-kisbiet eċċellenti tal-Ombudsman Emily O’Reilly, li serviet f’dan ir-rwol għal dawn l-aħħar 11-il sena u li dalwaqt se tħalli din il-kariga.
“It-tħejjija ta’ dan ir-rapport kienet kruċjali minħabba r-rwol indispensabbli tal-Ombudsman Ewropew sabiex nissalvagwardjaw it-trasparenza, il-kontabiltà u l-ġustizzja fl-istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni Ewropea. L-isfidi elenkati f’dan ir-rapport m’humiex biss ostakli amministrattivi iżda huma wkolla materji mportanti li jirrigwardaw il-ġustizzja, l-ekwità u t-trasparenza – valuri li huma ċentrali għal leġittimità tal-Unjoni Ewropea” kkummenta l-MPE Agius Saliba.
Qasam important fejn Agius Saliba jixtieq jara progress huwa fl-iproċessar ta’ talbiet mill-pubbliku sabiex jikseb aċċess għal dokumenti. Ir-rapport jelenka diversi każi fejn il-Kummissjoni Ewropea naqset milli tagħti tali aċċess, bħal fl-iskambju ta’ messaġġi bejn il-President tal-Kummissjoni u l-Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija tal-farmaċewtika.
Ir-rapport jenfasizza l-obbligu tal-istituzzjonijiet Ewropej kollha sabiex iħarsu d-drittijiet umani. Agius Saliba kkummenta dwar il-ħtieġa li tiġi mplimentata u nfurzata l-Kodiċi tal-Etika l-ġdida li ġiet introdotta wara l-iskandlu Qatargate. Agius Saliba saħaq dwar l-importanza li l-Parlament u l-Kummissjoni jagħtu attenzjoni stretta u kostanti għal attivitajiet diretti u ndiretti ta’ lobbying. Il-kunflitti ta’ nteress ġew imsemmija b’mod prominenti fir-rapport, li jqajjem tħassib dwar l-interazzjonijiet tal-Kummissjoni mal-industrija tat-tabakk u jenfasizza l-obbligu li l-politika relatata mas-saħħa pubblika tiġi mħarsa minn interessi kummerċjali.
Aspett ieħor indirizzat fir-rapport huwa l-proċedura tal-għażla sabiex jinħatru ħaddiema mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Ir-rapport jiffoka fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kandidati ma jkunux obbligati jattendu eżami ta’ qabel l-għażla b’mod diġitali. Din mhux l-ewwel darba li Agius Saliba qajjem nuqqas fil-proċess tal-għażla. Ftit żmien ilu l-MPE Laburista rebaħ każ quddiem l-istess Ombudsman dwar l-għażla ta’ kandidat li ma jitkellimx bil-Malti sabiex iservi f’uffiċċju tal-Unjoni Ewropea f’Malta.
Fl-aħħar, ir-rapport jissotolineja l-ħtieġa li l-Ombudsman jieħu rwol aktar attiv sabiex jiġu ndirizzati vjolazzjonijiet tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità, li għadu ma ġiex implimentat minn bosta Stati Membri. Dan in-nuqqas qed jimmina d-drittijiet ta’ persuni b’diżabiltà, u Agius Saliba talab lill-Ombudsman sabiex tingħata prijorità sabiex din il-kwistjoni tiġi solvuta mill-aktar fis fil-kuntest tal-UNCRPD.
Hekk kif il-Parlament Ewropew qed jipprepara sabiex jiġi elett l-Ombudsman ġdid, Agius Saliba esprima t-tama li l-kandidat elett ikompli jibni fuq il-legat ta’ Emily O’Reilly li jippromwovi t-trasparenza u l-governanza ffukata fuq iċ-ċittadin.
“Dan ir-rapport ifisser ir-rwol u l-kontribut kruċjali tal-Ombudsman filwaqt li jindirizz nuqqasijiet sistematiċi li b’mod dirett qed jaffetwaw il-fiduċja taċ-ċittadini tagħna,” kkonkluda Agius Saliba. “L-appoġġ sostanzjali għal dan ir-rapport huwa konferma tal-impenn tal-Parlament sabiex jiżgura t-trasparenza u l-kontabiltà fl-istituzzjonijiet Ewropej għal benefiċċju taċ-ċittadini Ewropej kollha.”