Infetaħ għall-pubbliku Wied Inċita, spazju aħdar ta’ 20,000 metru kwadru fiċ-ċentru ta’ pajjiżna.
Ambjent Malta ħadmet fuq ir-restawr ta’ dan il-post biex issa jibda jitgawda mill-familji Maltin u Għawdxin. Din hi l-ewwel fażi minn spazju akbar li se jkun qed jinfetaħ għall-pubbliku.
Il-park f’Wied Inċita, li ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, joffri veduti mill-isbaħ u sar post aktar sigur u aċċessibbli għall-komunità.
Kif spjegat Josianne Muscat, id-Direttriċi tal-Proġetti Ambjentali fi ħdan Ambjent Malta, f’dawn ix-xogħlijiet tħawlu 750 siġra u mijiet t’arbuxelli ġodda li ġew mgħammrin b’sistema t’irrigazzjoni moderna.
“Ħawwilna diversi siġar, arbuxelli għamilna wkoll l-għamara tal-ġnien, żewġ gazibos, picnic benches, fejn il-famlji lkoll jistgħu jagħmlu l-picnics. Għamilna wkoll għas-sigurtà fence madwar il-ġnien kollu.”
Ix-xogħlijiet inkludew ukoll tneħħija ta’ 370 tunellata ta’ skart u materjal ieħor, u r-restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ. Il-passaġġi prinċipali nbnew mill-ġdid biex ikunu aktar siguri għan-nies.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif dan il-proġett jikkumplimenta oħrajn, li diġà saru, biex tassew aktar familji u żgħażagħ jkollhom ġnien jew park viċin tagħhom.
“F’Ottubru tajna kelma li se nagħtu lin-nies 40,000 metru kwadru ta’ spazji ġodda sa l-aħħar ta’ din is-sena u dik il-kelma żammejniha. Wied Inċita, Ġnien Spencer, Ġnien Hospice, Ġnien l-Indipendenza u l-ġonna f’Villa Portelli huma kollha spazji ħodor għat-tgawdija tan-nies.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tenna li, b’dan il-proġett, il-Gvern għal darb’oħra żamm kelmtu man-nies.
“Il-Gvern ta l-kelma li se jkun qiegħed iżid l-ispazji miftuħa ġodda madwar il-pajjiż kollu u dan huwa proġett ieħor li, permezz tiegħu, il-Gvern żamm kelmtu.”
Waqt l-inawgurazzjoni tfal mill-iskola ta’ Ħ’Attard ħawlu bosta siġar fl-ispazju miftuħ ġdid.