Hemm ħafna suġġetti li l-Partit Nazzjonalista mhux kredibbli dwarhom, fost l-ewlenin, l-Awtorità ghall-Ippjanar.
Taħt GonziPN, il-MEPA kienet saret mostru li kienet iġġib lin-nies jitkellmu waħedhom.
Staqsu lil min ried jagħmel alterazzjoni sempliċi ġewwa daru b’mod leġittimu, kienu jgħadduh minn kalvarju.
Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija b’reazzjoni għal dikjarazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fejn allega li l-Gvern “qed jimbotta awtorità tal-permessi flok Awtorità tal-Ippjanar li tħares il-wirt nazzjonali u tippjana għal futur tal-pajjiż.”
I il-Partit Laburista kompla billi qal: Staqsu lil min ried jinvesti u joħloq impjiegi ġodda b’mod leġittimu, u allura kien ikollu bżonn post minn fejn jaħdem – kienu jagħlqulu l-bieb f’wiċċu.
Staqsu lil dak il-bidwi, u raħħal, li kien ikollu bżonn ta’ permess sempliċi biex iwettaq xogħlu b’mod aktar effiċjenti u b’mod leġittimu – kienu jgħidulu le.
Imma tistaqsux lil tal-qalba ta’ dak iż-żmien, bħal Beppe Fenech Adami, l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista taħt GonziPN meta Fenech Adami applika mal-Awtorità tal-Ippjanar biex jissanzjona dak li kellu mingħajr jew mhux skont il-permess fir-residenza tiegħu fil-Għargħur, magħrufa wkoll bħala l-palazz ta’ Beppe.
Bla żejt f’wiċċhom, tal-PN, ireferew għal Forti Chambray.
Fir-rapport tiegħu dwar il-proġett tal-Forti Chambray, Dr Edgar Mizzi rrefera għall-kundizzjonijiet li taħthom 90 tumoli ta’ art ġew mikrija mill-Gvern Nazzjonalista lil persuni privati bħala “ridikolu”.
U fl-istorja u l-intricci kollha ta’ dak iz-zmien, kien hemm il-famuz Roberto Memmo, l-avukat Taljan li kien qed jiġi investigat għar-rabtiet mill-qrib tiegħu mal-fundatur infami tal-Lodge Masonic P2 Licio Gelli u ma’ Michele Sindona li qatta’ diversi snin f’ħabs tal-Istati Uniti.
Memmo kien investa biss nofs miljun Lira fil-proġett.
Gvern Nazzjonalista kien iffirma ftehim meqjus infami u Forti Chambray tħalla fi stat ta’ abbandun wara wegħdiet fiergħa dak iż-żmien.
L-ipokrezija tal-PN dwar dan il-proġett hija oxxena. Mhux biss qablet mal-aħħar żviluppi ġewwa Forti Chambray iżda saħansitra s-Sindku Nazzjonalista ta’ Għajnsielem ħareg favur. Kevin Cauchi, tenna li l-qbil fl-aħħar jiem tal-Kunsill immexxi minnu għall-iżvilupp fil-Forti Chambray, li ġie dibattut ħafna fl-aħħar ġimgħat, kien l-aħjar għażla.
Is-Sindku Nazzjonalista stess qal illi l-barracks mhux se jkun qed jinqered, imma se jinħatt u jerġa’ jinbena kif inhu f’post differenti.
Dwar il-proġett ta’ Villa Rosa, l-ipokrezija tal-PN hija grassa.
Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qatt ma ċaħad li fil-privat iltaqa’ mal-iżviluppaturi u qalilhom mexxu biex meta jkollu l-poter jiftħu hu.
Populist u ipokrita.