Fi tmiem din il-ġimgħa se jitħallas l-ewwel minn żewġ pagamenti tal-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja. Dan il-benefiċċju hu ntiż biex, flimkien mas-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u taċ-ċereali, ikompli jagħti sostenn lil eluf ta’ familji quddiem l-isfida tal-inflazzjoni.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, f’konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa filgħodu, fejn tenna li, din il-ġimgħa, ftit aktar minn 97,000 familja se jitħallsu l-ewwel minn żewġ pagamenti tal-benefiċċju għall-2025.
Filwaqt li kien magħruf li l-għoli tal-ħajja jolqot b’mod aktar qawwi lill-familji bi dħul taħt il-medja nazzjonali, bħal pensjonanti u dawk fuq il-benefiċċji soċjali, ma kienet tittieħed ebda azzjoni speċifika f’dan ir-rigward sa tliet snin ilu.
Dan inbidel bit-twaqqif tal-benefiċċju addizzjonali għall-għoli tal-ħajja fil-bidu tat-tielet leġiżlatura ta’ Gvern Laburista.
Bil-mekkaniżmu l-ġdid, il-familji bi dħul taħt il-medja nazzjonali saru jieħdu wkoll il-benefiċċju addizzjonali għall-għoli tal-ħajja, minbarra ż-żieda normali tal-COLA.
Għall-2025 dan se jfisser €50 miljun aktar fil-bwiet ta’ dawn il-familji.