Mill-bidu tas-sena sal-aħħar ta’ Ottubru li għadda, fil-Qorti ġew deċiżi aktar kumpilazzjonijiet minn dawk ġodda li ddaħħlu fl-istess perjodu. Dan ħareġ minn tagħrif li ta fil-Parlament il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, waqt li wieġeb mistoqsija mid-Deputat Carm Mifsud Bonnici.
Mill-istess informazzjoni jirriżulta li, b’kollox, ġew deċiżi 838 kumpilazzjoni, waqt li ġew ippreżentati 788 kumpilazzjoni ġdida.
Ħareġ ukoll li l-aktar xahar li fih tlestew kumpilazzjonijiet kien dak ta’ April, fejn saru mija u tlieta u sittin (163). Wara jsegwi Jannar b’mija u seba’ kumpilazzjonijiet deċiżi u Ġunju b’wieħed u disgħin (91) kumpilazzjoni.
Din l-informazzjoni hi xhieda ta’ kemm żdiedet l-effettività fil-Qrati f’pajjiżna. Dan fost oħrajn grazzi biż-żieda fil-korp tal-ġudikatura, li wassal biex bħalissa hu l-akbar fl-istorja.
F’din il-leġiżlatura wkoll kien hemm il-konsultazzjoni pubblika dwar il-kumpilazzjonijiet, wara li r-riforma ġiet imwegħda fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista ‘Malta Flimkien’.