Tul din is-sena, mal-aġenzija Servizzi Ewropej Malta ġew sottomessi aktar minn 150 proġett. B’dawn jammontaw għal total ta’ aktar minn €80 miljun għall-fondi Ewropej.
Dan tħabbar mill-Kap Eżekuttiv tas-SEM, Rodrick Zerafa, f’intervista ma’ ONE News.
Zerafa spjega li dawn in-numri huma rekord għall-aġenzija u fisser kif l-aġenzija governattiva qed jirnexxielha tasal għand aktar nies u bosta proġetti varji.
“Forsi ħafna min-nies jaħsbu li l-proġetti ta’ fondi Ewropej huma xi triq jew inkella proġett infrastrutturali kbir. Dawk huma importanti, għax ikomplu jagħtu sostenn lill-Gvern. Però, il-proġetti huma diversi. Għandek eżempju l-qalba diġitali fejn jidħlu n-negozji, l-għajnuna lin-negozji biex ikomplu jkabbru u jtejbu l-operat tagħhom. Però, apparti minn hekk, l-għajnuna importanti li nagħtu lill-NGOs u lill-kunsilli lokali biex joħorġu bi proġetti importanti, li kieku ma jkunux il-fondi Ewropej, meta jitkellmu magħna jgħidulna, dawn ma jistgħux isiru.”
Rodrick Zerafa, Kap Eżekuttiv, SEM
Spjega li l-aġenzija tgħin biex issir l-applikazzjoni għal dawn il-proġetti li se jsiru b’fondi Ewropej. B’dawn il-proġetti, imbagħad, iridu jiġu aċċettati mill-Awtorità tal-Immaniġġjar.
Zerafa sostna li meta dak il-proġett ikun aċċettat, SEM tgħin fl-implimentazzjoni tal-proġett li jkun qed isir minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kap Eżekuttiv tas-SEM ukoll qal li jħares ’il quddiem għas-sena li ġejja.
“Inħarsu ’l quddiem biex dawn in-numri, anke matul is-sena li ġejja, inkomplu nkabbruhom, għax l-għajnuna tagħna hi waħda b’xejn, hi waħda li l-Gvern qed jgħin lin-nies, lin-negozji, lill-NGOs, il-kunsilli lokali, lil kull min taħseb biex kemm jista’ jkun huma wkoll jibbenefikaw mill-opportunitajiet li l-Kummissjoni Ewropea, fl-aħħar mill-aħħar, qed tagħti lil pajjiżna.”
Rodrick Zerafa, Kap Eżekuttiv, SEM
Hawnhekk hu fakkar kif pajjiżna, bħalissa, għandu l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej, li qatt ingħata minn kemm ilna stat membru tal-Unjoni Ewropea.