Fl-aħħar erba’ snin, il-Fondazzjoni Richmond ipprovdiet aktar minn 8,000 intervent terapewtiku b’xejn lil persuni li jkunu għaddejjin minn problemi ta’ saħħa mentali jew ikunu qed jieħu kura paljattiva.
Dan filwaqt li l-helpline 1770 tal-istess fondazzjoni irċeviet aktar minn għoxrin elf telefonata.
Is-servizz erbgħa u għoxrin siegħa kuljum dwar problemi ta’ saħħa mentali, bl-isem ta’ Ollie Chat, ukoll kellu aktar minn sebat elef interazzjoni.
Dawn il-każi juru l-impenn tal-Fondazzjoni Richmond biex tgħin persuni f’sitwazzjonijiet delikati u vulnerabbli.
Il-fondazzjoni hi ddedikata biex tippromwovi s-saħħa mentali u tipprovdi servizzi essenzjali għal individwi li jesperjenzaw sfidi f’ċirkostanzi simili.
Dan isir permezz ta’ sessjonijiet ta’ terapija għal kura residenzjali bbażata fil-komunità għal appoġġ onlajn. B’hekk, hi impenjata li toħloq komunità fejn it-terapija tkun aċċessibbli għal kulħadd.
U għal dan l-istaġun ta’ festi, li jista’ jkun ta’ sfida għal dawk li qed jissieltu mas-saħħa mentali, il-Fondazzjoni Richmond nediet kampanja biex tkompli tgħin lil persuni li qed jesperjenza sfidi ta’ saħħa mentali.
Il-kampanja bl-isem ‘Gift of Therapy’ tħeġġeġ persuni jagħtu donazzjonijiet biex jintużaw fil-ħlas ta’ sessjonijiet ta’ terapija għal persuni li m’għandhomx mezzi.
“Il-Fondazzjoni Richmond qed tagħmel din il-kampanja ‘The gift of therapy’, biex proprju min forsi jagħti donazzjoni flokk il-ħin tiegħu, din id-donazzjoni se tintuża biex dawk in-nies li għandhom bżonn it-terapija, imma ma jifilħux iħallsu għaliha, jużawha.”
Clare Agius, Preżentatriċi
Rigal li verament se jkun qiegħed jgħin lil persuni li għandhom bżonn.
“L-idea hija brillanti, hi xi ħaġa li tista’ tagħmilha faċli, li tagħti donazzjoni biex huma jgħinnu lil ħaddieħor kif diġà jagħmlu. Naħseb li hi l-isbaħ riġal li tista’ tagħti, meta xi ħadd jagħti rigal għall-aħjar”.
Valentina Rossi, Influencer