Marco Bonnici, il-President tal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, ikkonferma li, fin-negozjati għall-ftehim kollettiv il-ġdid tal-MCAST, qed jitolbu lill-amministrazzjoni tal-kulleġġ il-ħlas żejjed ta’ €400 għal kull karta tar-resit li jkun hemm.
It-taħditiet dwar il-ftehim settorjali bejn l-MUT u l-Gvern jinsabu weqfin wara li l-unjin għamlet talbiet li mhumiex aċċettabbli għall-amministrazzjoni pubblika.
Dan kif ikkonfermat mis-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Dr Joyce Cassar, li hi responsabbli wkoll mit-taqsima tar-relazzjonijiet industrijali, u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella.
Meta Bonnici ġie mistoqsi minn ONE News dwar din it-talba t-Tlieta filgħodu u anke li l-amministazzjoni qalet li għandha din it-talba bil-miktub, għall-ewwel beda jdur mal-lewża.
“Mela dak li qed tagħmel l-amministrazzjoni, li qed taqla’ proposti ’l barra mill-kuntest tagħhom.”
Marco Bonnici, President MUT
Imbagħad erġajna staqsejnih għal darb’oħra u hawnhekk Marco Bonnici kkonferma din il-proposta li qed tagħmel il-unjin, immexxija minnu.
ĠURNALIST: “Imma veru għamiltu din it-talba?”
MARCO BONNICI: “Le, it-talbiet hemm kienu u t-talbiet kollha hemm qegħdin.”
ONE News staqsa lil Bonnici barra l-Ministru tal-Edukazzjoni, f’Belt is-Sebħ, fejn saret protesta mill-MUT. Preżenti għal din il-protesta kien hemm numru ta’ letturi, flimkien ma’ numru żgħir ta’ studenti.
Din il-protesta saret fi sfond li, s’issa, għad mhemmx qbil dwar il-ftehim settorjali l-ġdid fejn l-unjin ukoll intalbet tirtira l-azzjonijiet li qed tieħuu li, b’mod speċifiku, qed jaffettwaw il-perkors edukattiv tal-istudenti.
Bil-Gvern jgħid li hu dritt ta’ kull student li jgħix ħajtu b’mod seren, waqt li jingħata edukazzjoni ta’ kwalità.
Fl-aħħar ħarġa tagħha, il-gazzetta Illum irrapportat li l-kulleġġ qed jipproponi allowance annwali ta’ €4,000 għal Senior Lecturers II. B’dan l-allowance se jsir bil-quddiem ta’ €8,000, li jkopri s-sena li fiha ma ġiex iffirmat il-ftehim.
Intqal li n-negozjati ilhom għaddejjin minn April tal-2022 u kien hemm aktar minn sebgħin laqgħa. Fost oħrajn kien hemm qbil fuq punti bħal dawk fit-tneħħija tas-sigħat ewlenin u t-tnaqqis tal-ġimgħat tal-qari tas-semestru minn 16 għal 15. B’bosta talbiet li għamlet l-MUT għadhom mhux solvuti, minħabba li kienu deskritti bħala mhux sostenibbli.
Sadanittant, fl-aħħar jiem, il-Prim Ministru Robert Abela kien wieġeb hekk lill-ġurnalisti dwar din is-sitwazzjoni.
“Jien ma nistax naċċetta li dawk li jbatu minn tilwima industrijali jkunu l-istudenti. Jiġifieri dawk il-persuni li jiġu l-iktar impattati mill-miżuri ta’ azzjoni industrijali, huma dawk li kompletament innoċenti f’din il-kwistjoni. Hawnhekk għandek dibattitu industrijali bejn il-Gvern, fuq naħa waħda u l-unjin, li tirrappreżenta lil-letturi, fuq in-naħa l-oħra dwar kemm għandhom ikunu ż-żidiet. Iż-żidiet li qed noffru huma b’saħħithom ħafna.”
il-Prim Ministru Robert Abela