Jekk kemm partit li għandu kredibbiltà jitkellem fuq ir-rapporti tal-Awditur Ġenerali huwa l-Partit Laburista, li mill-Gvern ra li tinbeda sistema fejn jiġi ppubblikat rendikont ta’ xi jkun sar fuq ir-rakkomandazzjonijiet, bl-Awditur Ġenerali nnifsu jinnota dan l-isforz u l-implimentazzjoni tajba tar-rapporti tiegħu. Hekk tirrispettahom l-istituzzjonijiet!
Dan qalu l-Partit Laburista fi stqarrija, b’reazzjoni għal stqarrija preċedenti ffirmata mill-Kelliem Nazzjonalista Darren Carabott, fejn allega li l-Gvern ma jridx iwettaq riforma bis-serjetà fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Partit laburista kompla billi jgħid, li fejn jidħlu sistemi korrettivi mhux eċċezzjoni. Għax dan kien gvern li wettaq riformi kbar, b’waħda mill-iktar importanti tkun dik li l-ħabs beda tassew jitmexxa mill-awtoritajiet tal-pajjiż, u l-ħabs ma baqax mimli droga. L-Awditur Ġenerali nnifsu jgħid: “NAO positively noted that the CSA has endeavoured to maintain a low incidence of substance abuse within CCF.”
Din hi l-bażi ta’ kollox għax f’ħabs mimli droga ma ssirx rijabilitazzjoni. U għalhekk meta tneħħiet id-droga setgħu jsiru riformi kbar, fosthom:
- Ftehimiet ma’ NGOs fis-settur tar-rijabilitazzjoni;
- Il-ftuħ ta’ żewġ half-way houses, bit-tielet waħda u l-ewwel waħda għan-nisa tiftaħ fiż-żmien li ġej;
- Ingaġġ ta’ professjonisti (tobba, psikjatri, infermiera, social workers) f’timijiet multi dixxiplinarji, li llum ilaħqu 49 professjonist;
- Care plan għal kull individwu;
- Il-ħolqien tal-uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Priġunieri;
- Faċilitajiet mediċi ġodda state of the art;
- Xogħol infrastrutturali kontinwu li jsebbaħ u jtejjeb il-faċilitajiet;
- Post fejn il-priġunieri jmorru jiltaqgħu m’uliedhom;
- Iktar ħaddiema, li huma mħarġa aħjar u b’kundizzjonijiet aqwa.
Dan hu ftit mix-xogħol li sar. Miegħu jiżdiedu riformi oħra fosthom dak li qed ikun diskuss bħalissa fil-Parlament bil-liġi tal-electronic monitoring u r-riforma fis-sistema tal-probation li hi mwiegħda fil-manifest elettorali u li se ssir f’din il-leġiżlatura.
Għax dan hu settur li faċli tparla dwaru, imma iktar diffiċli tmexxih. Mill-Gvern, il-Partit Laburista wera li hu ffokat biex iwettaq riformi kbar, li bdew u se jkomplu anke b’xogħol li jieħu rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali. Għal darb’oħra l-kredibbiltà hi l-ikbar għadu tal-Partit Nazzjonalista.