It-Tielet Reġiment tal-Forzi Armati ta’ Malta għada se jkun qed jagħmel il-mixja tiegħu minn Pembroke sal-Belt Valletta, bil-għan li jinġabru fondi b’risq Puttinu Cares u l-proġetti tagħha.
Waqt li l-attività se tibda mis-2:00 ta’ waranofsinhar, il-pubbliku inġenerali qed jiġi mħeġġeġ jingħaqad mal-mixja, partikolarment l-aħħar parti fil-Belt Valletta, fejn is-suldati mistennija jaslu għall-ħabta tas-6:00 ta’ filgħaxija, u b’hekk jispiċċaw ilkoll flimkien fi Pjazza San Ġorġ.
Kull xahar, madwar 80 pazjent minn Malta jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit għal kura medika, xi ħaġa li ġġib magħha spejjeż kbar ħafna. Dan minbarra l-akbar proġett infrastrutturali li bħalissa Puttinu Cares għaddejja fir-ristrutturar ta’ binja li xtrat, anke bl-għajnuna tal-Gvern, fil-qalba ta’ Londra.
B’hekk attivitajiet, bħal dik tat-Tielet Reġiment tal-AFM, jgħinu lil Puttinu Cares ikompli jaħdem bla waqfien għall-pazjenti u l-familji tagħhom.
Donazzjonijiet b’risq Puttinu jistgħu jsiru permezz tal-BOV Mobile jew trasferimenti bankarji fil-banek BOV u HSBC, waqt li dawk ta’ ’l fuq minn €500 ikollhom ir-ritratt tagħhom imtella’ fuq il-paġna soċjali ta’ Puttinu Cares.