“Is-sajf ta’ San Martin, il-biedja tifraħ bih”. Hekk għallmuna missirijietna, hekk kif il-bdiewa jieħdu gost bit-temp sabiħ ta’ Novembru, għax jagħmel tajjeb ħafna għal xogħolhom.
Madankollu dan għadda u mar, u kif tixhed l-istatistika mill-Uffiċċju Meteoroloġiku Malti għal Novembru, ix-xita li kien hawn setgħet qatgħet xi ftit l-għatx tar-raba’, iżda xorta waħda kien iddikjarat bħala iżjed xott minn snin oħrajn u min-norma.
Fil-fatt, anke jekk wara n-nixfa tal-ewwel xahrejn tal-ħarifa, ix-xita li niżlet f’Novembru kienet manna mis-sema għar-raba’ u biex jimtlew xi ftit il-widien, l-ammont ta’ xita mkejla ma kinitx biżżejjed biex taqbeż il-il-medja tax-xahar.
Tul Novembru, l-Uffiċċju Metereoloġiku kejjel 82.8 millimetru ta’ xita, jiġifieri sitta punt tnejn inqas mill-medja.
Tliet kwarti mix-xita li niżlet fix-xahar li għadda, niżlet fl-ewwel nofs tax-xahar, bil-konsegwenza wkoll li t-tieni nofs tax-xahar kien iżjed xott.
Matul l-istess xahar, resqu fuq il-gżejjer Maltin żewġ maltempati bis-sajjetti u dan meta, normalment, ix-xahar ijġib miegħu ħames maltempati.
Minkejja dan, it-temperaturi baqgħu ogħla mill-medja, bl-aktar jum kiesaħ kien proprju xahar eżatt ’il bogħod mill-Milied, fejn it-temperatura niżlet sa għaxar gradi Celsius.
Dawk li jħobbu jgħumu anke wara s-sajf, żgur li nnotaw li l-baħar baqa’ wkoll pjuttost sħun.