It-task force speċjali mwaqqfa fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, dwar il-‘Viżjoni Malta 2050’ iltaqgħet għal laqgħa oħra importanti biex tkompli tirfina l-qafas li se jiggwida l-pjan strateġiku fit-tul ta’ pajjiżna.
Matul din il-laqgħa, il-membri ressqu l-ħsibijiet tagħhom dwar din il-viżjoni, filwaqt li anke enfasizzaw il-ħtieġa biex jiġu indirizzati sfidi ewlenin, bħat-tibdil fil-klima, dawk marbutin mad-demografika li qed tinbidel u s-sostenibbiltà ekonomika.
Id-diskussjonijiet iffokaw ukoll fuq l-importanza li għandha tingħata lill-gżira Għawdxija, b’mod li tiġi mħarsa l-identità distinta tagħha.
Tul il-laqgħa, ġie diskuss ukoll ir-Rapport ta’ Mario Draghi, filwaqt li anke ġie diskuss l-importanza tal-iżvilupp tal-ħiliet, it-tisħiħ tas-sistemi ta’ ppjanar strateġiku u l-urġenza li tiġi indirizzata s-sigurtà tal-ikel u tal-ilma fid-dawl tat-tfixkil globali.
Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, qal li dan il-proċess fi ħdanu qed jipprovdi eżempju ċar ta’ kollaborazzjoni dinamika bejn l-imsieħba soċjali, biex jiġi żgurat li l-‘Viżjoni Malta 2050’ tirrifletti dak li jkun irid il-poplu.
“Għamilnieha ċara li trid tinkludi lil kulħadd, mhux biss lilna kollha, l-MCESD u l-imsieħba soċjali, imma wkoll il-partiti politiċi kollha ħalli jkunu ċerti li huwa inklussiv u li ‘it will serve the test of time’, kif jgħid l-Ingliż.”
David Xuereb, Chairperson tal-MCESD
Din il-laqgħa saret wara li l-Kunsill tal-MCESD kien iltaqa’ mal-Gvern u ġew ippreżentati l-bażijiet tax-xogħol li sar, waqt li l-imsieħba wkoll taw ir-reazzjonijiet tagħhom.