Fl-aħħar tnax-il xahar il-paga medja żdiedet f’termini reali.
Dan fid-dawl tal-fatt li l-aħħar statistika, għat-tielet kwart ta’ din is-sena, turi kif il-pagi għolew b’sebgħa punt sebgħa fil-mija fi żmien meta r-rata tal-inflazzjoni kienet wieħed punt tnejn fil-mija
F’analiżi li għamlet, il-gazzetta KullĦadd fl-aħħar ħarġa tagħha qabblet din l-istatistika ma’ dik fl-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista.
Hawn jidher kif, filwaqt li l-paga medja llum hi ta’ ftit aktar minn tlieta u għoxrin elf u ħames mitt ewro, dik f’Marzu tal-2013, kienet inqas minn sittax-il elf ewro, differenza ta’ kważi tmint elef ewro jew tmienja u erbgħin fil-mija inqas.
Aħbarijiet pożittivi ġew innotati wkoll mill-gazzetta, b’rabta mar-rata ta’ impjiegi li llum tlaħħaq it-tmenin fil-mija, l-ogħla li qatt laħqet kemm ilha tinġabar din l-istatistika. Fl-2013, din kienet ta’ wieħed u sittin fil-mija jew dsatax fil-mija inqas mil-lum.
Fl-2013, l-esperti kienu qed ibassru li d-distakk ta’ ħames punti perċentwali bejn Malta u l-Unjoni Ewropea kien se jibqa’ għal diversi diċenji ta’ wara.
Madankollu, bil-bidla fl-amministrazzjoni u l-politika nazzjonali, illum pajjiżna mhux talli ma naqqasx dan id-distakk, talli jinsab għaxar punti perċentwali aħjar mill-Ewropa.
Illum tliet mija, tlieta u għoxrin elf u mitejn persuna għandhom impjieg, żieda ta’ ħmistax-il elf u tliet mitt impjieg fuq sena ilu u d-doppju tal-ammont li kienu jaħdmu fl-2012.
Dan filwaqt li l-proporzjon ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol hu ta’ tlieta u sebgħin fil-mija, meta mqabbel mal-erbgħa u erbgħin fil-mija li kien hemm jaħdmu qabel l-2013.
Dan kollu wassal biex ir-rata tal-qgħad niżlet fl-inqas livelli storiċi għal tlieta punt wieħed fil-mija, punt sitta perċentwali inqas minn sena ilu u kważi tliet punti perċentwali meta mqabbel mal-2012.