Fil-ħajja, ilkoll nesperjenzaw mumenti li jħallu marka profonda fuqna. Għal persuna waħda, Luca Zarb, perit ta’ 29 sena, dak il-mument kien it-telfa ta’ zijuh minħabba l-kanċer fl-2018.
Li tara lil xi ħadd għażiż jiġġieled marda qatt mhi ħaġa faċli, iżda li tkun xhud tal-kompassjoni u l-kura li Hospice Malta jipprovdu f’dawk il-mumenti hija esperjenza mimlija ispirażżjoni.
“Din l-organizzazzjoni hija lifeline għal ħafna familji, fejn tipprovdi kura paljattiva u sapport emozzjonali lill-pazjenti u lil qrabathom. Fl-2018, kont xhud tal-ħidma inkredibbli li tagħmel Hospice Malta,” spjega Luca Zarb.
Kampanja SevenxSeven
L-esperjenza u t-telfa li għadda minnha Luca kienu l-ispirazzjoni wara l-Kampanja SevenxSeven – seba’ maratoni (42.2km kull wieħed) f’seba’ tijiem.
Il-Kampanja SevenxSeven, li ser tibda fil-21 ta’ Diċembru, mhux biss tirrikjedi saħħa fiżika iżda wkoll reżiljenza mentali.
Matul il-ġimgħa kollha, Luca se jkun qed juża l-enerġija tiegħu biex jpoġġi fuq quddiem ix-xogħol bla waqfien li Hospice Malta jgħamlu fil-kura paljattiva u jagħmel appell mill-qalb biex jinġabru €10,000 għal dan l-istess għan.
“Hospice Malta tiddependi kompletament mid-donazzjonijiet, u nittama li din il-kampanja tispira lil oħrajn biex jagħtu lura. Tant familji Maltin ġew milquta mill-kanċer. B’donazzjoni, nistgħu nagħmlu differenza vera,” qal Luca.
Il-fondi li jinġabru se jikkontribwixxu għall-manutenzjoni tal-faċilità ta’ Hospice Malta, St. Michael’s, ġewwa Sta Venera, fejn jingħata servizz ta’ kura speċjalizzata taħt saqaf wieħed. Barra minn hekk, il-kampanja għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar ir-rwol importanti li Hospice Malta għandha fil-komunità.
Tħejjija għall-Isfida
Luca ilu atleta attiv minn ċkunitu, iżda din hija l-ewwel darba li qed jagħmel sfida daqshekk kbira. Il-bilanċ bejn ix-xogħol, il-ħajja ta’ kuljum, is-sigħat ta’ taħriġ intensiv, kif ukoll bidliet fid-dieta tiegħu, kienu l-aktar aspetti diffiċli.
“L-isfida l-kbira se tkun li nżomm ġismi b’saħħtu sabiex nkun nista nispiċċa dak li-bdejt. Qatt ma għamilt xi ħaġa kbira bħal din qabel,” ammetta Luca. “Irkupru tajjeb, in-nutrizzjoni, u li jkolli focus mentali se jkunu essenzjali.”
Is-sapport tal-familja, ħbieb, u Hospice Malta kienu kruċjali biex iżommu lil Luca motivat u impenjat għall-għan tiegħu, li finalment hu li jirnexxilu jtemm l-isfida. “Jekk hemm bżonn, se nimxi. L-għan hu li nibqa’ pożittiv u nimxi ’l quddiem, speċjalment f’dawk il-mumenti meta kull pass jinħass diffiċli u fejn żgur ser nħoss xi tip t’uġigħ,” stqarr Luca.
Hekk kif id-data tal-isfida qed tersaq fil-viċin, Luca jisħaq li din il-kampanja hija ferm aktar milli sempliċement tesegwixxi għan fiżiku—huwa dwar li ġġib tama, tifrex l-imħabba, u tagħmel differenza sinifikanti, partikolarment fi żmien il-Milied.
“Nispera li din il-kampanja ser tispira lil publiku biex jieħdu azzjoni u jgħatu ftit sapport lejn Hospice Malta. Jien għażilt li niġri seba’ maratoni f’seba’ ġranet, u naf li jkolli bżonn nibqa’ b’saħħti u nimbotta ’l quddiem meta l-isfieda issir iktar iebsa. Iżda għal dawk li qed jiġġieldu l-kanċer, il-ġlieda mhix għażla. Ejjew ningħaqdu biex ngħinu nagħmlu l-vjaġġ tagħhom wieħed li jgħodd,” ikkonkluda Luca.
Kif Tista Tappoġġja l-Kampanja SevenxSeven
Donazzjonijiet jistgħu jsiru permezz tal-link t’hawn taħt:
https://hospicemalta.org/product/support-sevenxseven/
Aġġornamenti regolari jistgħu jiġu segwiti billi tissieħbu fil-grupp WhatsApp:
https://chat.whatsapp.com/LmVKa9xcklzEgqFUwm22pM