Il-Bank ta’ Valletta ċċelebra l-kisbiet ta’ aktar minn 120 impjegat fiċ-ċerimonja ta’ Gradwazzjoni tal-2024 li saret nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ Novembru fil-Phoenicia Hotel. L-avveniment wera bis-sħiħ l-impenn tal-Bank lejn in-nies tiegħu, u saħaq l-irwol tal-Bank bħala l-post tax-xogħol tal- għażla permezz ta’ programmi ta’ tagħlim avvanzati u kultura msejsa fuq l-innovazzjoni u l-eċċellenza.
Is-serata kienet ċelebrazzjoni tal-isforzi kontinwi tal-Bank fil-ħiliet tal-impjegati tiegħu. Il-Bank joffri korsijiet ta’ taħriġ professjonali fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti. Xhieda tal-livell għoli tal-korsijiet offruti mill-Bank huwa r-rikonoxximent li rċieva mill-Awtorità ta’ Malta għall-Edukazzjoni Avvanzata u Għolja (MFHEA) permezz tal-akkreditazzjoni tagħha ta’ diversi korsijiet offruti mill-Bank. Fil-fatt, il-BOV huwa liċenzjat bħala Istituzzjoni ta’ Edukazzjoni Għolja.
Il-programmi innovattivi mnedija din is-sena jinkludu l-Programm ta’ Tmexxija għat-Tim Eżekuttiv u l-Kapijiet tal-Bank, u Unleash, immirat lejn l-iżvilupp ta’ mexxejja futuri li jkunu kapaċi jinnavigaw il-kumplessitajiet tal-industrija finanzjarja tal-lum. Inizjattivi bħall-programm tal-e-learning dwar l-ESG jenfasizzaw aktar l-impenn tal-Bank li jintegra s-sostenibbiltà fl-operazzjonijiet u t-taħriġ tal-impjegati tiegħu.
“Aħna kburin li naraw ’l fuq minn 120 kollega tagħna jagħmlu passi sinifikanti ’l quddiem fil-karrieri tagħhom permezz tal-Akkademja tal-BOV,” qal Kenneth Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Bank. “L-enfasi tagħna fuq l-eċċellenza u l-innovazzjoni tiżgura li noffru lill-impjegati tagħna l-għodod u l-għarfien meħtieġ biex jirnexxu f’xenarju finanzjarju li qed jinbidel malajr. Flimkien, qed nibnu forza tax-xogħol li qed tistabbilixxi standards ġodda ta’ kif niddeterminaw is-suċċess.”
Fl-2024, il-Bank ipprovda aktar minn 112,000 siegħa ta’ taħriġ, permezz ta’ tagħlim fil-klassi, tagħlim fuq pjattaforma elettronika, kif ukoll taħriġ minn sorsi esterni, li jkopri firxa wiesgħa ta’ suġġetti inkluż l-iżvilupp tal-mexxija, it-trasformazzjoni diġitali, l-għarfien bankarju, u kollaborazzjoni fit-tim. Il-programmi ġew imfassla biex ikunu allinjati mal-għanijiet strateġiċi tal-Bank, u biex jiġi żgurat li l-impjegati jkunu ppreparati biex jilħqu l-isfidi tan-negozju.
“Il-Bank ta’ Valletta qed jagħti definizzjoni ġdida ta’ tagħlim kontinwu fuq il-post tax-xogħol”, qal Ray Debattista, Chief People and Culture Officer. “Bl-investiment fin-nies tagħna, qed noħolqu ambjent dinamiku u innovattiv, filwaqt li nkabbru t-talenti tan-nies tagħna. Il-viżjoni tagħna hija li nibqgħu l-post tax-xogħol tal-għażla għal dawk l-impjegati li jixtiequ jkomplu jikbru, jirnexxu, u jħallu impatt.”
Għall-futur, il-Bank qed jippjana li jkabbar l-portafoll ta’ tagħlim tiegħu b’inizjattivi bħall-Career Paths, taħriġ speċjalizzat f’servizzi finanzjarji immexxija mid-dejta, it-trasformazzjoni tan-negozju, u programmi avvanzati ta’ eċċellenza għall-klijent. It-tielet edizzjoni tal-Programm STAR se tkompli trawwem it-talent ġdid.
“Għal BOV, it-tagħlim u l-iżvilupp jmur ferm lill hinn minn sempliċiment ħiliet,” qal Dr Robert Suban, Direttur tal-BOV. “Għalina, dan ifisser il-formazzjoni tal-impjegati tagħna biex ikunu konformi mal-viżjoni u l-valuri tal-Bank. Programmi bħal dawn li qed jiżviluppa l-Bank jiżguraw li n-nies tagħna jibqgħu l-akbar qawwa tagħna.”