Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, iż-żieda fir-rata tal-impjiegi fost dawk fl-etajiet ta’ bejn l-20 u l-64 sena f’pajjiżna kienet l-akbar waħda mill-pajjiżi kollha fl-Unjoni Ewropea, skont l-aħħar ċifri ppubblikati mill-uffiċjali tal-istatistika Ewropea, il-Eurostat.
Waqt li r-rata ta’ Malta rreġistrat żieda ta’ 1.4%, il-medja fl-Unjoni Ewropea kienet biss ta’ 0.1 jew erbatax-il darba inqas minn dik tagħna. It-tieni l-akbar tkabbir fir-rata kien fir-Rumanija, iżda b’0.6% iżjed din hi wkoll inqas min-nofs ir-rata ta’ Malta.
F’dan il-perjodu, fl-Unjoni Ewropea, dawk f’impjieg kienu jgħoddu għal 75.9%, żieda minima mqabbla mat-tieni kwart, jiġifieri bejn April u Ġunju li għaddew. Dan meta mat-tliet miljun persuna fil-pajjiżi kollha Ewropej ta’ bejn il-15 u l-74 sena sabu mpjieg, waqt li 6.7 miljun għadhom qegħda.
Ir-riżultati Ewropej ikomplu jżidu ma’ dawk ukoll pożittivi li nħarġu fl-aħħar jiem mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li ħabbar kif, fit-tielet kwart ta’ din is-sena, in-numru taʼ persuni f’pajjiżna li kellhom xogħol kien ta’ aktar minn tliet mija u għoxrin elf, li hu ħamsa fil-mija ogħla meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Minbarra hekk, sar magħruf ukoll li s-salarju bażiku medju fix-xahar tal-impjegati kien ivarja minn elf u mitejn ewro fʼxogħlijiet elementari għal tlett elef ewro fost dawk fil-livelli maniġerjali.
Jirriżulta li, fost il-persuni li qed jaħdmu, 38.1 fil-mija għandhom livell taʼ edukazzjoni terzjarja.
Sa Settembru, il-qgħad f’pajjiżna baqa’ fl-inqas livelli storiċi taʼ 3.1 fil-mija. Kważi 44% ta’ dawk li ma kinux attivi fis-suq tax-xogħol, ir-raġuni ewlenija tagħhom kienet għax laħqu l-età tal-irtirar jew għażlu li jirtiraw qabel iż-żmien.