Il-Bank Ċentrali ta’ Malta reġa’ rreveda ’l fuq it-tbassir tiegħu għat-tkabbir tal-ekonomija Maltija, li qed tkompli tissorprendi lill-esperti lokali u anke internazzjonali.
Minbarra din ir-reviżjoni ta’ nofs punt perċentwali iżjed għal din is-sena, l-esperti tal-Bank Ċentrali stess sostnew li x’aktarx se jkollhom jerġgħu jirrevedu mill-ġdid ma jdumux peress li kompliet tidħol aktar informazzjoni pożittiva fuq l-andament ekonomiku.
Anke għas-sena d-dieħla, l-esperti tal-Bank Ċentrali ħassew li kellhom jirrevedu ’l fuq it-tbassir tagħhom, biex dan ukoll għola b’madwar nofs punt perċentwali oħra.
Dan meta s-sitwazzjonijiet f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej m’għandhom xejn minn dawn u, bil-maqlub, qed jinxtorbu flok jikbru, waqt li jiġu skeditati minn aġenziji internazzjonali ta’ kreditu.
Fost l-oħrajn, il-Bank Ċentrali Ġermaniż għadu kemm irreveda ’l isfel it-tbassir tal-ekonomija tal-pajjiż meqjus bħala mutur Ewropew. Waqt li qabel kien mistenni li l-Ġermanja tikber b’1.1%, issa t-tbassir naqas għal 0.2%.
Anke għall-2026, it-tbassir tnaqqas minn 1.4% għal 0.8%. Il-Gvernatur tal-Bundesbank, Joachim Nagel, sostna li n-nuqqas ta’ stabbiltà ekonomika bil-waqgħa tal-Gvern Ġermaniż hu kawża ewlenija tal-problemi ekonomiċi fil-pajjiż.
Fl-istess ħin tħabbar uffiċjalment li l-ekonomija tar-Renju Unit naqset għat-tieni xahar konsekuttiv. Tant li l-Ministru għall-Finanzi, Rachel Reeves, sostniet li l-figuri huma diżappuntanti. U dan it-tnaqqis fil-pajjiż wasal wara baġit iebes ħafna fejn żdiedu t-taxxi għal diversi faxex tas-soċjetà.
B’kuntrast f’pajjiżna t-tkabbir ekonomiku mistenni jkun akbar mill-medja storika. Dan kien anke spjegat ftit jiem ilu mill-ekonomista ewlieni tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Dr Aaron Grech, fi preżentazzjoni lill-Kumitat Parlament għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.
Dr Grech sostna li pajjiżna ma kienx milqut minn daqqiet kbar li laqtu lill-ekonomiji madwarna, bħal pereżempju ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-imgħaxijiet fuq self.
Issa r-rapport tal-Bank Ċentrali jispjega li r-reviżjoni fit-tbassir saret l-aktar minħabba li d-domanda domestika mistennija tkun aktar sostnuta milli kien maħsub qabel. Fattur li jissemma fir-rapport hu anke t-tnaqqis fil-piż tal-Income Tax, waħda mill-miżuri ewlenin li tħabbru fil-Baġit għall-2025.
Hu mbassar li din il-miżura se tħalli sew aktar flus fl-idejn u b’hekk ikompli jiżdied il-konsum privat. Dan tal-aħħar se jkun affettwat ukoll minn titjib fil-pagi, fejn l-esperti tal-Bank Ċentrali jsemmu l-impatt taż-żidiet sostanzjali li ngħataw lill-edukaturi u lill-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku, fost l-oħrajn.
Fl-istess ħin, ir-rapport tal-Bank jindika li r-rata tal-inflazzjoni se tkompli tonqos b’mod sostnut u tinżel taħt it-2% fis-snin li ġejjin. Dan ukoll mistenni jsaħħaħ id-domanda domestika, għax iż-żieda fil-pagi mhux se tittiekel daqstant mill-għoli tal-ħajja. Dan filwaqt li l-familji f’pajjiżna għandhom ukoll tifdil qawwi minn snin imgħoddija.
L-andament pożittiv tal-ekonomija mistenni jwassal anke biex l-investiment f’pajjiżna jkompli jikber.
Minn naħa, is-settur privat mistenni jkompli jżid l-operat tiegħu, waqt li, min-naħa l-oħra, il-Gvern mistenni jinvesti ferm aktar, speċjalment permezz ta’ fondi Ewropej.
Bl-andament ekonomiku sostnut li hu mbassar, ir-rata tal-qgħad se tibqa’ fl-istess livelli baxxi, qrib it-3%.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jindika wkoll li ż-żieda fl-ammont ta’ ħaddiema barranin mistenni wkoll jonqos fis-snin li ġejjin, minħabba l-effett ta’ regolamenti ġodda kif ukoll għax il-produttività mistennija tikber.
L-iżbilanċ tal-Gvern mistenni jonqos eventwalment taħt it-3%, waqt li d-dejn nazzjonali se jibqa’ qrib il-50% tal-ġid nazzjonali, ferm taħt il-livell rikjest mir-regoli tal-Unjoni Ewropea.
L-esperti tal-Bank ikkonfermaw dan it-titjib qawwi fil-finanzi pubbliċi, minkejja s-sussidji tal-enerġija, it-tnaqqis b’saħħtu fl-Income Tax, iż-żidiet minħabba l-ftehimiet kollettivi kif ukoll l-investiment pubbliku qawwi fis-snin li ġejjin.