Tanker Russu li kien qed iġorr aktar minn erbat elef tunnellata ta’ prodotti taż-żejt għereq fil-Baħar l-Iswed kawża tal-maltemp qawwi filwaqt li tanker ieħor inkalja b’biża kbir li se jinħoloq diżastru ekoloġiku.
Il-vapur tal-merkanzija Volgoneft-212 inqasam fi tnejn nhar il-Ħadd wara li ntlaqat minn mewġa kbira. Filmati urew il-pruwa tal-vapur ħierġa dritta mill-baħar bil-membri tal-ekwipaġġ iħarsu waqt li kienu lebsin ġgieket tas-salvataġġ oranġjo u roqgħa sewda fil-baħar. Il-vapur daħal f’diffikultajiet fil-kosta tal-Lvant tal-Krimea, tmien kilometri ’l bogħod mill-Istrett ta’ Kerch.
Investigaturi Russi fetħu żewġ każi kriminali biex jindagaw jekk kienx hemm xi vjolazzjonijiet tas-sigurtà wara li mill-anqas persuna sfat maqtula meta t-tanker ta’ 136 metru, li kellu abbord ħmistax-il persuna, għereq.
It-tanker kien qed iġorr 4,300 tunnellata ta’ żejt magħruf bħala mażut. Is-servizzi ta’ emerġenza Russi mill-ewwel bdew operazzjoni ta’ salvataġġ permezz ta’ tugboats u ħelikopter Mil Mi-8. Tnax-il persuna oħra kienu evakwati bi ħdax minnhom jittieħdu l-isptar fejn instab li tnejn minnhom kienu f’qagħda kritika.
Ftit ħin wara, vapur ieħor tal-merkanzija, il-Volgoneft-239, sab ruħu f’diffikultà fl-istess lokazzjoni. Huwa kien qed iġorr 4 tunnellati ta’ karburant. Għalkemm għall-ewwel kien maħsub li anke dan għereq però il-vapur ta’ 132 metru mibni fl-1973 kien fil-verità inkalja 80 metru ’l barra mix-xatt tal-port ta’ Taman fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Istrett ta’ Kerch. L-evakwazzjoni tal-erbatax-il membru tal-ekwipaġġ abbord kienet sospiża minħabba l-maltemp iżda kien assigurat li kien hemm biżżejjed faċilitajiet abbord biex il-ħajja tagħhom ma tkunx fil-periklu.
Il-President Russu Vladimir Putin ordna lill-gvern biex iwaqqaf grupp ta’ ħidma sabiex imexxi l-operazzjoni tas-salvataġġ u jimmitiga l-impatt taż-żejt mifrux fil-baħar.
Uffiċjali Ukreni akkużaw lir-Russja b’nuqqas ta’ responsabilità għax ħallew vapuri qodma joperaw fil-maltemp.
Jekk iż-żejt jinfirex fil-Baħar l-Iswed issir ħsara kbira ekoloġika hekk kif dan huwa diġa affetwat ħażin ħafna mill-gwerra.
Il-Volgoneft-212 għandu 55 sena, irreġistrat f’San Pietruburgu u ġie rrinovat ftit ilu. Filfatt huwa kien ġie maqsum min-nofs bil-poppa u pruwa jerġgħu jiġu wweldjati flimkien. Jidher li kienet propju din il-parti li ċediet.