Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonniċi għamel xi ħaġa li qatt ma għamel s’issa u waqt il-ħin ta’ l-aġġornament fil-Parlament tkellem dwar il-familja tiegħu u dak li għaddiet minnu mill-2014 sal-lum minħabba diskors ta’ mibegħda.
L-aġġornament huwa normalment ħin fejn deputat jista’ jqum u jitkellem dwar xiex jixtieq. Ilbieraħ waqt l-aġġornament il-Ministru Bonniċi tkellem dwar hate speech u kif is-soċjetà għandha tgħid li l-ħażin huwa ħażin.
“Huwa ħażin li tgħid li persuni għandhom jinqatlu għaliex għandhom karnaġġjon skur. Dak hate speech u huwa ħażin. Bl-istess mod huwa ħażin li tferrex kliem ta’ mibegħda fil-konfront ta’ persuni abbażi ta’ l-orjentament sesswali tagħhom, razza, entiċità jew inkella ideologiji politiċi,” qal il-Ministru Bonniċi.
Qal li matul il-Presidenża ta’ l-Unjoni Ewropea, se tiġi organizzata konferenza ta’ livell għoli, bl-interventi tal-aqwa esperti fil-kontinent, sabiex jiġi diskuss dan il-fenomenu. Qal li huwa jemmen li din il-pjattaforma kontra l-mibegħda għandha tibqa’ timxi ’l quddiem.
Il-Ministru Bonnici qal li hu u l-familja tiegħu rċevew ħafna attakki ta’ mibegħda online. Tant li l-blogger tal-Partit Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia sa waslet biex tħeġġeġ lin-nies idendlu lilu u lill-partner tiegħu Janice Bartolo rashom ‘l isfel fil-pjazza bħalma kienu għamlu lil Mussolini u Petacci.
“Dak hu hate speech. Dak hu hażin,” saħaq il-Ministru Bonniċi.
Huwa qal li fl-aħħar tliet snin dejjem qagħad lura milli jwieġeb għall-attakki kontinwi fuq id-dinjità tiegħu u tal-familja tiegħu għaliex għandu fiduċja li l-poplu Malti kapaċi jiddistingwi bejn il-mibegħda u l-genwinità.
Saħaq pero’ li meta l-pinna tal-mibegħda ma tibqax konfinata fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia u ssir parti min-narrattiva tal-Oppożizzjoni hemmhekk ma jistax jibqa’ sieket u jrid jirrispondi għall-gideb u l-attakki personali bbażati fuq il-gideb.
Il-Ministru Bonnici hawnhekk tkellem dwar il-gidba li qed ixxerred l-Oppożizzjoni dwar Janice Bartolo u l-hatra tagħha għal żmien qasir fil-Bord tal-Orkestra Nazzjonali.
Qal li huwa l-etika mhux ipaċpaċ biss dwarha, imma jipprattikaha. Semma, per eżempju, li meta sar Segretarju Parlamentari u imbagħad Ministru għall-Ġustizzja kuntrarjament għal dak li kienu jagħmlu uhud mill-Ministri tal-Ġustizzja ta’ qablu, qata’ kull kuntatt li jrendilu dħul ma’ l-uffiċju legali tiegħu.
“Il-Ministri tal-Ġustizzja ta’ qabli baqgħu jieħdu ħlas, kif kellhom kull dritt, mill-uffiċju legali li kellhom. Jiena għażilt li meta għaddejt l-uffiċju legali tiegħi lil haddiehor ma niehu ebda hlas biex żgur ma jkunx hemm l-iċken possibbilità ta’ xi kunflitti ta’ interess,” qal il-Ministru.
Huwa sostna li anke fejn jidħlu l-lectures fl-Università, huwa għażel li ma jithallasx tal-leċtures li baqa’ jagħti anke jekk m’hemm xejn kontra l-liġi li wieħed jibqa’ jitħallas.
“Għalhekk,” qal il-Ministru, “ma nistax naċċetta akkużi li jiena ksirt l-etika fejn jidħlu l-ħatriet fil-Bord ta’ l-Orkestra Nazzjonali.”
Huwa qal li meta sar Ministru sab li l-Orkestra Nazzjonali kienet nieqsa minn strateġija ta’ komunikazzjoni. Qal għalhekk li ried jappunta xi ħadd fuq il-Bord midħla ta’ kif taħdem il-media. Saħaq li wara li kkonsulta, għażel li jappunta lil Janice Bartolo li hi ġurnalista b’esperjenża.
Saħaq li dak iż–żmien lil Janice Bartolo kien jafha biss bħala ġurnalista.
“Dan kien fil-15 ta’ Mejju, 2014. Dak iż–żmien lil Janice Bartolo kont nafha biss bħala ġurnalista u niddibuta kontx kellimtha iktar minn tliet darbiet,” qal il-Ministru. Huwa qal li l-ħlas ta’ membru tal-Bord tal-Orkestra huwa ta’ €1,400 fis-sena. Huwa hawnhekk tkellem ukoll dwar is-separazzjoni tiegħu.
“Intqalu ħafna gideb dwar is-separazzjoni tiegħi, imma nemmen li l-poplu Malti hu matur biżżejjed li jaf li jkun hemm realtajiet li nies li ma jkunux involuti ma jistgħux jiġġudikaw dwarhom,” sostna Dr Bonniċi.
Qal ukoll li l-fatt li għadda minn separazzjoni personali jgħinnu jifhem ahjar x’jgħaddu minnu n-nies li jkellmuh u jkunu għaddejjin mill-istess ħaġa.
Qal li meta beda joħroġ ma’ Bartolo, minn jeddha ħasset li jkun aħjar jekk tirriżenja mill-Bord tal-Orkestra sabiex ma jkunx hemm allegazzjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess.
“Fil-fatt fit-23 ta’ Awissu, 2014 hija informat lill-Orkestra Nazzjonali li kienet qed tirriżenja b’effett immedjat u kienet qed tirrinunżja għar-remunerazzjoni tagħha ta’ madwar €300,” sahaq il-Ministru Bonnici.
Huwa wkoll poġġa fuq il-Medja tal-Kamra ittra tal-Financial Controller tal-Orkestra Nazzjonali li tikkonferma dan kollu.
Dr Bonnici appella lill-Oppożizzjoni biex il-politika ma tkunx miġġielda fuq it-tgħajjir personali, iżda fuq l-ideat u l-proposti biex nagħmlu l-pajjiż aħjar.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2017/03/parlinfo@parlament.mt_20170322_190033.pdf”]