F’waħda mil-istejjer ewlenin li dehret fuq il-faċċata tal-gazzetta Illum ġie magħruf li filwaqt li għadhom għaddejjin il-laqgħat bejn l-MUT u l-MCAST, il-Kulleġġ qiegħed jipproponi allowance annwali ta’ €4,000 għal Senior Lecturers II bħala parti mill-ftehim settorjali ġdid.
Il-gazzetta qalet li ma’ din l-allowance, ser ikun qiegħed isir ħlas bil-quddiem ta’ €8,000 li jkopri s-sena li fiha ma ġiex iffirmat il-ftehim.
Il-gazzetta Illum, irrimarkat li n-negozjati ilhom għaddejjin minn April tal-2022, u nkludew aktar minn 70 laqgħa, u minkejja li kien hemm ħafna drabi fejn kien kważi ntlaħaq qbil, inkluż fit-tneħħija tas-sigħat ewlenin u t-tnaqqis tal-ġimgħat tal-qari tas-semestru minn 16 għal 15, bosta talbiet li għamlet l-MUT għadhom mhux solvuti, minħabba li kienu deskritti bħala mhux sostenibbli.
Madanakollu, fost il-miżuri miftiehma l-gazzetta qalet kif kien hemm, is-sigħat imnaqqsa ta’ tagħlim fejn is-senior lecturers ikollhom is-sigħat ta’ kuntatt tagħhom limitati għal 14 fil-ġimgħa. Kien hemm ukoll il-limitazzjonijiet fid-daqs tal-klassi, fejn klassi għal-livelli MQF 3 se jkunu limitati fil-kobor. Kien hemm ftehim ukoll fuq ġranet tax-xogħol imqassra.
Barra minn hekk ġie rrappuratat kif seħħ ftehim fuq t-tneħħija tas-sigħat ewlenin, b’effett fi Frar 2024, fejn il-lettur huwa meħtieġ biss li jkun fuq il-kampus għal-lezzjonijiet jew laqgħat skedati.
Il-pakkett jinkludi wkoll żieda fis-salarji bażiċi u allowances għal diversi gradi, bil-għan li jiġu indirizzati kwistjonijiet li ilhom fit-tul imqajma mill-MUT.
Sadanittant, l-MUT, fil-jiem li għaddew qalet li se tkun qed torganizza protesta b’rabta mal-ftehim kollettiv tal-impjegati tal-MCAST, bl-iskuża li l-Gvern ma jridx ikompli bin-negozjati. Dan anke jekk il-Gvern esprima ruħu dejjem disponibbli għat-taħditiet, kemm-il darba l-unjin tirtira d-direttivi tagħha, li qed jagħmlu ħsara lill-istudenti, b’mod partikolari.