Il-mistoqsija ta’ miljun ewro għas-sena 2025 fid-dinja tat-tiġrijiet tat-trott żgur li se tkun jekk il-korsa ta’ Vincennes hux se tibqa’ topera jew le.
Nhar l-Erbgħa waqt laqgħa tal-Bord tad-Diretturi li saret fil-korsa ta’ Vincennes, l-aktar suġġett jaħraq li ġie diskuss kienet dwar it-tiġdid taċ-ċens tal-korsa hekk kif dan se jiskadi fil-31 ta’ Diċembru li ġej. Il-konċessjoni fuq dan is-sit storiku għat-trott ġiet imġedda sal-aħħar t’Awwissu 2025 sakemm jilħqu jsir n-negozzjati.
Jidher li l-kwistjoni prinċipali hija waħda finanzjarja bejn il-ħlas taċ-ċens, li minn nofs miljun ewro tela’ għall-ħames miljun ewro fis-sena, u l-ammont ta’ investiment stmat għal 41 miljun ewro.
Iżda apparti l-aspett finanzjarju, fejn jidher li l-kunsill ta’ Pariġi qed jirreferi għall-prezzijiet esurbanti li ħallset il-soċjeta Franċiża tal-galopp għall-konċessjoni tal-koros ta’ Longchamp u Auteuil, qed isiru ħafna restrizzjonijiet fuq il-materjal u l-livell amministrattiv fil-kuntratt tat-tiġdid. Filfatt il-President tas-soċjetà tat-trott Jean-Pierre Barjon sostna li jekk joqgħodu għal dawn id-domandi jridu jinsew investiment biex issir korsa tal-futur għax il-flus kollha li se jkunu investiti jittieħdu kollha biex jiġu attwati x-xewqat tal-kunsill Pariġin. Huwa qed jgħid li fil-lista tal-ispeċifikazzjonijiet hemm imdaħħal kollox minn l-art sas-saqaf kif ukoll il-wesgħat ħadrana u l-kontijiet li jridu jiġu ppreżentati kull sena.
Iżda s-Soċjetà Franċiża tat-Trott mhux qed taqta’ qalbha hekk kif qed jippreparaw għall-eventwalità ta’ pjan ieħor fejn qed iħarsu lejn il-korsa ta’ Enghien bil-possibiltà jekk jistgħux jitrasferixxu l-korsa ta’ Vincennes fuq dan is-sit.
Id-direttur finanzjarju Arnaud Barentin qal li r-risposta hija waħda pożittiva fejn jidher li mhux ħaġa impossibbli li tinbena korsa kważi identika f’arena ultra moderna. Iżda dan ma jfissirx li kollox mitluf u qegħdin biss għalissa jippreparaw għal kull eventwalità biex tittieħed l-aħjar deċiżjoni għall-futur.