Fi Pjazza San Ġorġ, 50 sena wara li dan il-post ra lil Malta issir Repubblika, ittellgħet ċelebrazzjoni t’arti u storja, sabiex tfakkar dan l-avveniment storiku, bit-tema ‘L-istorja, Aħna’.
Il-ħdax-il President tar-Repubblika, Myriam Spiteri Debono, ħamsin sena wara li Sir Anthony Mamo sellem lill-poplu Malti bħala President għall-ewwel darba, tkellmet dwar kif pajjiżna jrid ikompli jaħdem għall-ġid ta’ uliedu, sabiex isem Malta jibqa’ tiela’ ‘l fuq.
“Illum flimkien, ilkoll kemm aħna llum naħilfu, u nkomplu b’dil-mixja għal Malta tagħna. Għal ġid ta’ uliedna, u kull wieħed. u waħda minna jgħid li se jżomm isem Malta ‘il fuq fil-preżent u l-ġejjieni. Viva l-poplu Malti u Għawdxi. Viva Malta tagħna u r-Repubblika li nħobbu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela, aċċenna għall-importanza tal-kwalità tal-ħajja, fejn iċ-ċittadini jkunu kburin b’pajjiżhom, u jkollhom lok li jqattgħu ħin ta’ kwalità ma’ dawn għeżież għalihom.
“Il-kwalità tal-ħajja tan-nies ta’ dan il-pajjiż. Irridu ċittadini li jkunu kburin li jgħixu f’Għawdex u f’Malta tagħna. Li jaraw lil pajjiżhom fuq quddiem nett fit-trasformazzjoni li toħodna lejn l-enerġija l-ħadra, li jaraw lil pajjiżhom fuq quddiem nett fil-qalba diġitali li ninsabu għaddejjin minnha bħalissa li jaqra pajjiż li jiċċelebra l-arti li jippreserva s-sabiħ tal-kampanja u tal-ibħra tiegħu.”
Żied jispjega kif ħamsin sena wara, il-poplu qed iġedded il-ħolma tiegħu, hekk kif għada pajjiżna se jkun aqwa mil-lum.
“Se niġu ġġudikati fuq dak li ksibna u li ħallejna għal ġenerazzjonijiet li jridu jiġu. Illum dan il-poplu reġa’ ltaqa’ hawnhekk, biex iġedded il-ħolma tiegħu. It-tama li għada, iva, se jkun aqwa mil-lum. Iċ-ċelebrazzjoni, tal-konvinzjoni għall-futur li jkun isbaħ dan il-pajjiż tal-bajda l-ħamra. Viva Malta Repubblika.”
Indirizza din iċ-ċelebrazzjoni wkoll, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici.
“Poplu ħerqan għall-bidla, poplu għatxan għal Malta ġdida, poplu determinat li pajjiżu jitmexxa mill-Maltin stess. Ħamsin sena ilu feġġ fil-gallarija tal-palazz, u ta t-tama lil ħutu Maltin.”
Dan l-ispettaklu organizzat mill-Gvern ta’ Malta permezz ta’ Festivals Malta u mill-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali involva aktar minn 400 persuna jaħdmu fuq produzzjoni artistika mill-isbaħ.