L-Organized Crime and Corruption Reporting Project, jew OCCRP fil-qasir, wieġeb għal artiklu ta’ ONE News, li kkwota minn rapport ieħor internazzjonali tas-sit Franċiż Mediapart li żvela kif l-hekk imsejjaħ “proġett” irċieva mas-sebgħa u erbgħin miljun dollaru mill-Gvern Amerikan mindu twaqqaf.
Waqt li mhux magħruf jekk l-istess OCCRP weġibx ukoll għall-artiklu tas-sit Franċiż jew rapporti f’sezzjonijiet oħrajn tal-midja, inkluż gazzetti lokali bħal l-Illum, il-Maltatoday u It-Torċa, li wkoll ikkritikaw il-proġett, il-Ġimgħa dan bagħat risposta bi dritt lil dan l-istazzjon.
Fost l-oħrajn, jgħid li hu mhux dipendenti fuq il-Gvern Amerikan, iżda, minflok, uża l-kliem “count on”, jiġifieri jistrieħ fuq il-finanzjament tiegħu. Dan jgħid flimkien ma’ għexieren ta’ donaturi oħrajn, inklużi aġenziji governattivi f’pajjiżi oħrajn u fondazzjonijiet privati.
Ġiet miċħuda l-allegazzjoni li l-Gvern Amerikan jista’ jiddetta l-kontenut tal-OCCRP kif qal is-sit Franċiż, fejn jgħid lil ONE News li Mediapart seta’ xtaq li jagħti l-impressjoni li kien qed jiskopri xi ħaġa, mentri kien hu stess li ppubblika l-informazzjoni.
Mediapart kien qajjem dubji kemm, b’tali finanzjamenti, il-linja editorjali tal-OCCRP, setgħet tassew kienet indipendenti. L-OCCRP ukoll wettaq investigazzjonijiet f’Malta, permezz tat-Times u s-Sunday Times.
L-OCCRP, iżda, qal li mhuwiex minnu li ma investigax azzjonijiet ħżiena tal-Gvern Amerikan, anke jekk qed jiffinanzjah, u, bħala eżempji, semma rapporti dwar konsenji ta’ biljuni ta’ dollari f’armi lejn is-Sirja kkordinati mis-CIA, il-privatizzazzjoni ta’ attakki bid-drones fil-Kenja jew kif l-industrija tal-kostruzzjoni fl-Istati Uniti tattira flus tal-korruzzjoni.