Andres Leonardo Gambo Duran, Kolumbjan ta’ 43 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti s-Sibt filgħodu b’rabta mas-sejba makabra ta’ raġel ieħor li nstab imqatta’ f’bagalja f’Tas-Sliema.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-ispetturi Kurt Zahra u Wayne Camilleri, spjegat kif l-akkużat qiegħed jiġi mixli bi traffikar ta’ droga kokaina f’Malta u barra minn xtutna, b’ħasil ta’ flus u li ħeba katavru li allegatament miet b’omiċidju.
Ġie spjegat li fid-disgħa ta’ Diċembru, nhar it-Tnejn li għadda, għall-ħabta ta’ nofsinhar, persuni li kienu fuq dgħajsa fix-xatt ta’ Tas-Sliema lemħu bagalja suspettuża fil-baħar ’il barra mix-xatt.
Din il-bagalja nstabet minn żewġ persuni minorenni u resquha lejn ix-xatt. Hawnhekk żewġ persuni oħrajn fetħu l-bagalja u sabu katavru.
Kien hawn li l-Pulizija marru mill-ewwel fuq il-post fejn ġol-bagalja sabu fdalijiet imqattgħin ta’ raġel. Ir-raġel kien liebes biss ħarqa, u fil-bagalja kien hemm ukoll idejh u saqajh li kienu imqattgħin f’borża.
Minn hemm imbagħad, il-katavru ttieħed il-kamra mortwarja sabiex tkun tista’ ssir l-awtopsja fuqu. Minn l-istess awtopsja ħareġ li r-raġel kien diġà mejjet meta nqatgħulu idejh u saqajh.
Sar magħruf li din il-bagalja nxtrat ġurnata qabel ma sar dan l-allegat omiċidju, minn ħanut f’San Ġwann, fejn inxtrat ukoll il-mannara.
Fl-istonku instablu 101 kapsola droga kokaina, filwaqt li minn eżamijiet oħra nstab li l-vittma miet fgat. Ġie spjegat li eżamijiet ulterjuri oħra għadhom għaddejjin biex jiġi identifikat il-vittma, bil-possibiltà kbira li huwa raġel ta’ 50 sena mill-Kolombja.
Ġie spjegat ukoll li l-Kolumbjan ġie arrestat ftit metri ‘l bogħod mir-residenza tiegħu f’operazzjoni delikata ferm.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Marseann Farrugia żammet lill-imputat arrestat.
Intant il-Pulizija diġà ressqu lil raġel Portuġiż il-Qorti, fejn ġie mixli b akkużi ta’ traffikar tad-droga.
Sadanittant aktar kmieni saret konferenza tal-aħbarijiet b’rabta ma’ dan il-każ fejn ingħataw aktar dettalji, indirizzata mill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud propju 48 siegħa wara li huma arrestaw lill-istess Kolumbjan u raġel ieħor mill-Portugall li nstab fl-istess residenza.