Il-Partit Nazzjonalista attakka lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà fil-każ tas-sejba makabra ta’ katavru ta’ raġel, li nstab mqatta’ f’bagalja ’l barra mix-xatt ta’ Tas-Sliema.
Dan anke waqt li l-Pulizija kienu qrib ħafna li jsolvu dan il-każ, kif kien diġà qed jiġi rrapportat li kienet għaddejja tfittxija għal raġel u effettivament ġie arrestat ftit tal-ħin wara, kif irrapportat mill-istess midja Nazzjonalista.
Waqt li kkwotaw tagħrif żvelat, b’mod esklussiv minn ONE News, dwar it-tfittxija għar-raġel, li seta’ kien involut fid-delitt makabru wara li xtara mannara minn ħanut fin-Naxxar, in-NET xorta waħda għażlu li jattakkaw lill-Kummissarju, fl-istess stil tas-soltu biex jiskreditaw lill-awtoritajiet lokali, b’mod partikolari fejn ikun qed jiġi rreġistrat suċċess wara l-ieħor.
Il-Ħamis filgħaxija l-Pulizija ħabbret li kienet arrestat fl-Imsida, Kolumbjan ta’ 43 sena, waqt li ġie arrestat ukoll raġel ieħor ta’ 39 sena mill-Portugall.
Minkejja li l-Pulizija kienet f’fażi delikata li ssolvi dan id-delitt, il-Partit Nazzjonalista għoġbu juża l-midja tiegħu biex jattakka lil Gafà u jgħidu li dan għadu ma tkellimx mal-ġurnalisti.
Kemm-il darba dan il-każ jiġi solvut f’ħin relattivament qasir, isaħħaħ ir-rekord li l-Korp tal-Pulizija għandu fejn jidħlu delitti f’pajjiżna, tant li ma kien hemm l-ebda omiċidju fl-aħħar sitt snin li ma ġiex solvut.