Żgħażagħ Laburisti jilqgħu t-tnedija tal-Konsultazzjoni Pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali tas-Saħħa Sesswali 2025-2030.
Bħala reazzjoni inizjali, nemmnu li dan id-dokument jinkorpora pjan komprensiv u inklussiv biex jiġu żgurati s-saħħa sesswali u riproduttiva u l-benesseri għall-individwi kollha f’Malta, irrispettivament mis-sess, l-età, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-isfond soċjo-ekonomiku, l-etniċità, jew l-istatus legali.
Il-viżjoni mfassla fl-istrateġija tirrifletti pass essenzjali ‘l quddiem fil-vjaġġ lejn l-inklużjoni u l-ġustizzja fis-servizzi tas-saħħa sesswali.
Il-ħames pilastri ta’ azzjoni tal-istrateġija jindirizzaw oqsma kruċjali li jkollhom impatt pożittiv u fit-tul fuq is-sistema tas-saħħa. Mill-provvediment ta’ servizzi mediċi ta’ kwalità u l-għażliet ta’ pjanar tal-familja, għall-prevenzjoni u l-edukazzjoni, dawn il-miżuri juru approċċ ħolistiku li huwa kemm progressiv kif ukoll sensittiv għall-ħtiġijiet ta’ komunitajiet divers fis-soċjetà tal-lum.
Il-fatt li dan id-dokument qiegħed jirrikonoxxi li ċerti gruppi jiffaċċjaw sfidi uniċi meta niġu għall-aċċess għas-servizzi tas-saħħa sesswali u l-approċċ personalizzat jindirizza dawn id-differenzi biex jintlaħaq l-għan ta’ saħħa sesswali universali.
Barra minn hekk, nemmnu li diskussjoni kostruttiva dwar id-drittijiet riproduttivi, il-kontraċettivi, u l-edukazzjoni sesswali hija essenzjali. Billi nħejju djalogu miftuħ u inklussiv dwar dawn is-suġġetti, nistgħu nindirizzaw il-misinterpretazzjonijiet, nippromwovu t-teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati, u niżguraw li l-perspettivi ta’ kulħadd jinstemgħu.
Bħala Żgħażagħ Laburisti, nemmnu li djalogu miftuħ u kollaborazzjoni huma essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. Għalhekk, qed nistiednu lill-pubbliku inġenerali, speċjalment liż-żgħażagħ, biex jieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika u jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom. Din hija opportunità kruċjali għaċ-ċittadini biex jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ sistema li taħdem għal kulħadd.
Bħala Żgħażagħ Laburisti nħarsu ‘l quddiem biex nieħdu sehem fil-proċess ta’ konsultazzjoni. Għalhekk ninkoraġġixxu lil kull min jixtieq jaqsam ma’ Żgħażagħ Laburisti il-ħsibijiet u l-ideat tagħu dwar id-dokument ta’ konsultazzjoni permezz ta’: https://bit.ly/TalkSexualHealth