Ir-residenti f’Tas-Sliema esprimew ir-rabja tagħhom fuq il-mezzi soċjali hekk kif il-Kunsill Nazzjonalista ħalla l-lokalità mneżża’ minn kwalunkwe tiżjin dekorattiv tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
F’kummenti fuq paġna ta’ Facebook għar-residenti Slimżi, inbdiet diskussjoni taħraq dwar dan id-diżappunt lejn is-sitwazzjoni preżenti f’lokalità mfittxija wkoll għan-negozju, b’uħud iwaħħlu fuq in-nuqqas ta’ ppjanar li qed iħalli impatt ħażin fuq in-negozji f’Tas-Sliema.
Fil-fatt, jidher ċar li n-negozji f’Tas-Sliema kellhom ikunu huma li jipprovaw iqajmu l-atmosfera tal-Milied billi jżejnu l-faċċati individwali, waqt li t-toroq ewlenin, bħal Triq Santa Rita u Triq Manwel Dimech, tħallew niexfa minn kull tiżjin.
Uħud saħqu li dan m’għandux ikun l-atteġġjament li l-kunsill għandu jieħu u, għaldaqstant, dan in-nuqqas juri irresponsabbiltà favur l-organizzazzjoni ta’ atmosfera u attivitajiet festivi li minnhom igawdu r-residenti u l-konsumaturi li jżuru l-post.
Dan mhux l-ewwel każ simili, hekk kif, fl-aħħar ġimgħat, ONE News kien irrapporta li l-Mosta, illum taħt amministrazzjoni Nazzjonalista wkoll, tħalliet bla tiżjin, kontra l-mod spettakoluż li kienet fih is-sena l-oħra.
Ftit wara, meta kompliet tikber ir-rabja, almenu ntramaw ftit affarijiet dekorattivi.