L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ aktar minn 8.3 miljun passiġġier bejn Jannar u Novembru li għaddew, dan hekk kif il-mira ta’ tmin miljuni ntlaħqet għall-ewwel darba fl-istorja tal-MIA fit-12 ta’ Novembru li għadda.
Bi tkabbir ta’ 15 fil-mija fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra, il-prestazzjoni tat-traffiku tul dawn l-aħħar 11-il xahar diġà kkonfermat is-sena 2024 bħala l-aktar waħda b’saħħitha għall-ajruport s’issa.
F’Novembru, aktar minn sitt mija u tletin elf passiġġier ivvjaġġaw mill-ajruport, liema riżultat jirrifletti żieda ta’ 19.2 fil-mija fuq l-istess xahar fl-2023. It-traffiku tal-passiġġieri laħaq l-ogħla livelli lejn il-bidu tax-xahar, hekk kif kważi sebgħa u għoxrin elf moviment tal-passiġġieri ġew irreġistrati s-Sibt 2 ta’ Novembru, l-aktar jum impenjattiv tax-xahar.
B’mod parallel ma’ dan it-tkabbir fil-volum ta’ passiġġieri, f’Novembru, il-moviment tal-ajruplani wkoll żdied bi kważi 20%, filwaqt li l-għadd ta’ postijiet disponibbli fuq it-titjiriet żdied b’aktar minn 18 fil-mija fuq l-istess xahar fl-2023. Ir-rata ta’ okkupanza fuq it-titjiriet ukoll rat titjib, hekk kif is-Seat Load Factor żdied b’0.7 punti perċentwali biex kiseb riżultat ta’ 85.6 fil-mija.
L-aktar suq li kkontribwixxa għat-traffiku ta’ Novembru kien l-Italja, b’sehem ta’ 20.0 fil-mija, u segwit mir-Renju Unit. Madankollu, l-iktar tkabbir sinifikanti fost l-ikbar ħamest iswieq għall-ajruport ġie rreġistrat mis-suq Pollakk.
Fil-fatt, is-suq Pollakk qabeż dak Ġermaniż kif ukoll dak Spanjol biex sab postu bħala t-tielet l-aktar suq importanti għall-MIA.
L-aħħar darba li nkiseb dan ir-riżultat kien f’Jannar ta’ din is-sena.