Id-Dar tal-Anzjani tal-Mosta, li ilha għal aktar minn 35 sena tipprovdi kura u appoġġ lill-komunità anzjana, qed issirilha rinnovazzjoni estensiva biex tkompli ssaħħaħ il-kwalità u l-kumdità tas-servizzi tagħha.
Dan il-proġett, li jinkludi titjib infrastrutturali u modernizzazzjoni tal-faċilitajiet, qed isir b’investiment ta’ miljun u ħames mitt elf ewro fuq tliet snin.
Ix-xogħlijiet jinkludu installazzjoni ta’ tagħmir ġdid għall-monitoraġġ u s-sigurtà, restawr tas-sistemi tal-ilma u d-drenaġġ, flimkien ma’ titjib fiż-żoni komuni, bħall-kappella u spazji oħrajn, fejn ir-residenti jiltaqgħu.
Waqt iż-żjara tiegħu, is-Segretarju Parlamentari responsabbli qal li dan il-proġett juri l-impenn ta’ dan il-Gvern biex il-faċilitajiet għall-anzjani jkomplu jitjiebu b’mod sostanzjali.
“Fl-aħħar mill-aħħar, l-anzjan hu kollox, l-anzjani huma fiċ-ċentru tal-ħsibijiet tagħna li l-anzjan ikollu post sigur, komdu, kif jixraqlu fejn ikun jista’ jgħix hawnhekk f’dawn il-postijiet b’tant għożża min-naħa tagħna.”
Malcolm Paul Agius Galea, Segretarju Parlamentari
ll-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo De Gabriele, żvela li fil-jiem li ġejjin se jibda proġett simili fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa, b’investiment ta’ €2 miljun oħra.
“Tul ix-xhur li ġejjin se nkomplu dan ir-rinnovar radikali bħalma għamilna wkoll fid-dar tal-Furjana. Ukoll ħa nibdew l-Imtarfa biex ikollha l-istess tisbiħ ta’ dan il-kwalità u dan kollu fuq dan il-perjodu se jintefqu tliet miljuni u nofs.”
Renzo De Gabriele , Kap Eżekuttiv, Anjanita Attiva u Kura fil-Komunita