“L-Ewroparlamentari Olandiża Anja Hazekamp għanda tieqaf mill-farsa”
Hekk kitbu fi stqarrija l-kaċċaturi u nassaba konservazzjonisti. Sostnew li Hazenkamp għanda tieqaf mill-ħsieb li tagħmel petizzjoni li beħsieba tipprezenta lill-Prim Ministru biex tipprova twaqqaf it-tradizzjoni soċjo-kulturali tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
“Hazekamp għanda tkun infurmata, li fl-2006 l-Kummissjoni Ewropea resqet lill-Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ) biex tabolixxi l-kaċċa fir-rebbiegħa minn Malta. Fl-10 ta ‘Settembru 2009, bħala riżultat ta’ verdett relattiv tal-ECJ, Malta, li kienet megħjuna direttament mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) fid-difiża tagħha tal-kawża, afferma mill-ġdid id-dritt tagħha bħala Membru tal-UE, li tapplika deroga mid-Direttiva tal-Għasafar biex tippermetti l-kaċċa fir-rebbiegħa. Fit-12 ta ‘April 2015, il-FKNK rebħet l-ewwel Referendum Abrogattiv nazzjonali li qatt sar f’Malta, li kien sar minn-numru konsiderevoli ta’ entitajiet kontra l-kaċċa fl-attentat ieħor biex tkun abolita l-kaċċa fir-rebbiegħa. Il-Kummissjoni UE għalqet il-proċeduri ta’ ‘infringements’ relattivi li kellha kontra Malta, u li kienu pendenti mill-Kawża tal-ECJ, ftit wara r-riżultat tar-Referendum.”
Il-FKNK qalet li pprovat titlob laqgħa ma Hazekamp biex din tkun aħjar infurmata dwar il-materji rigward liema hi tesprimi nfisha, u b’hekk tkun ukoll aġġornata dwar fatti u ċirkustanzi lokali li hi ma tistax tkun kompletament familjari magħhom, b’mod partikolari dwar is-sitwazzjoni kif spjegat hawn fuq. Madankollu, qalu li ż-żewġ talbiet bl-email tal-FKNK baqgħu mingħajr tweġiba.