Fl-ewwel fażi tal-proġett Msida Creek, li beda ftit tal-ġimgħat ilu u li għaddej b’ritmu mgħaġġel, il-periti spjegaw fid-dettall lill-Ministru Chris Bonett u lill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Steve Ellul, kif is-sit tal-kostruzzjoni ġie mdawwar b’pannelli tal-konkos għoljin żewġ metri, filwaqt li nħolqot rotta pedonali segregata madwar is-sit biex tħares is-sigurtà ta’ dawk li jgħaddu minn din iż-żona.
Bħalissa qed isiru x-xogħlijiet preparatorji li jikkonsistu minn 86 pilastru imdaħħlin fl-art, li se jkunu l-bażi tal-bini ta’ triq ġdida li tgħaqqad ix-Xatt ta’ Ta’ Xbiex ma’ dik tal-Pietà. F’din iż-żona qed jitpoġġew ukoll diversi sheet piles fl-art biex jifformaw il-kanal tal-ilma, waqt li qed jiġi msaħħaħ il-moll tal-madwar biex jiffaċilita aktar tħammil f’din il-parti tal-Imsida.
Fil-jiem li ġejjin, se titneħħa parti mis-central strip fi Triq Mikiel Anton Vassalli biex jinfetaħ spazju għal żewġ korsiji temporanji fid-direzzjoni lejn il-bypass ta’ Birkirkara, b’din il-modifika hi waħda meħtieġa biex jibda x-xogħol ta’ tiswija fuq il-ħitan ta’ din it-triq.
Wara dan, se tibda fażi oħra tal-proġett fejn se jsir tħaffir madwar il-monument tal-ħaddiema biex issir it-tħejjija neċessarja għall-kanal tal-ilma li ħa jiġi fformat biex jevita għargħar fiż-żona.
Minbarra dan, se tiġi fformata wkoll triq temporanja bejn il-Monument tal-Ħaddiem u l-bandli, bil-għan li tiffaċilita l-aċċess għal dawk li jivvjaġġaw lejn Triq D’Argens, liema tibdil fir-rotta hu kruċjali biex jibdew ix-xogħlijiet neċessarji u tinbena t-triq li tgħaqqad Triq Ix-Xatt f’Tal-Pietà ma’ Triq Mikiel Anton Vassalli.
Il-Ministru Bonett esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-progress li sar s’issa fuq dan il-proġett, filwaqt li anke rringrazzja lill-komunità Misidjana tal-koperazzjoni li qed juru biex dan il-proġett tant bżonnjuż jista’ jsir.
Faħħar wkoll il-ftuħ ta’ parkeġġ pubbliku temporanju ġdid ta’ 70 spazju fi Triq Clarence għall-komunità Misidjana, fejn dan se jikkumpensa għat-telf ta’ spazji ta’ parkeġġ madwar is-sit, kawża tax-xogħlijiet u b’hekk tiġi mitigata din l-isfida.
“Dan il-proġett ilu diġà għaddej xahar u nofs. F’dan ix-xahar u nofs diġà rajna il-pass tax-xogħol miexi b’mod regolari. Qed isir xogħol importanti ħafna faċċata tal-Knisja tal-Imsida, kif qed naraw, issa wara l-festi, inkunu qed nibdew fażi oħra ta’ dan il-proġett li tidħol proprju fil-qalba ta’ fejn hemm il-Monument tal-Ħaddiem.”
Ministru Chris Bonett
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta żied jgħid li t-tim iddedikat qed jagħmel passi sinifikanti f’dan il-proġett trasformattiv.
“Attenti ħafna li waqt li qed isir ix-xogħol nkunu attenti wkoll biex il-komunità kemm residenzjali, kif ukoll kummerċjali tal-Imsida, tibqa’ għaddejja bir-ritmu tagħha. Proprju hawnhekk fejn ninsabu bħalissa, eventwalment se jkollna waħda mill-akbar pjazez fil-pajjiż, għax dan hu proġett mhux biss ta’ infrastruttura stradali, imma wkoll hu proġett ta’ spazji miftuħa.”
Steve Ellul, Kap Eżekuttiv, IM