L-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, qalet li se tkun qed torganizza protesta b’rabta mal-ftehim kollettiv tal-impjegati tal-MCAST, bl-iskuża li l-Gvern ma jridx ikompli bin-negozjati.
Dan anke jekk il-Gvern esprima ruħu dejjem disponibbli għat-taħditiet, kemm-il darba l-unjin tirtira d-direttivi tagħha, li qed jagħmlu ħsara lill-istudenti, b’mod partikolari.
Minkejja dan, l-MUT il-Ħamis ħabbret li se ssejjaħ protesta għal nhar ti-Tlieta quddiem il-Ministeru għall-Edukazzjoni bla ma rtirat id-direttivi jew it-talbiet mhux sostenibbli li qed tagħmel għall-ftehim kollettiv.
F’sessjoni mal-midja, il-Gvern kien ipprovda l-informazzjoni b’mod trasparenti dwar in-negozjati bejn l-MUT u l-amministrazzjoni pubblika dwar il-ftehim ġdid tal-MCAST.
Hawnhekk intqal kif il-Gvern qed iżomm, qabel kollox, l-interess tal-istudenti u l-edukaturi, filwaqt li l-MCAST għandha kull dritt u obbligu tnaqqas kwalunkwe impatt negattiv li jista’ jkun hemm fuq l-istudenti, filwaqt li tiżgura li l-benesseri u l-ħajja akkademika tagħhom ikunu stabbli.
Intqal, kif il-Gvern, ma jista’ qatt jaċċetta li jiftiehem fuq talbiet li ma jkunux sostenibbli,u li jkomplu joħolqu piż fuq l-istudenti u l-qraba tagħhom.
Fost l-oħrajn, sar magħruf kif l-MUT qed tippreżenta l-prinċipju inaċċettabbli li l-letturi jitħallsu €400 għal kull student li ma jgħaddix minn xi eżami, biex ikunu jistgħu jagħmlu r-resit, fost l-oħrajn.
L-MUT qed tipproponi wkoll li jkun hemm impjegati li, minkejja li xogħolhom hu mal-istudenti, jaħdmu mid-dar jumejn fil-ġimgħa. Dan filwaqt li, dawn l-istess ġranet jiġu akkumulati u utilizzati meta dawn iridu, f’perjodi oħrajn matul is-sena.
Fil-fatt, in-nuqqas ta’ ftehim, qatt ma kien fuq l-aspett finanzjarju, iżda fuq azzjonijiet li mhumiex sostenibbli jew se jaffettwaw lill-istudent.
Minkejja li normalment ma jsirux diskussjonijiet waqt li qed isiru azzjonijiet industrijali, il-Gvern baqa’ jinnegozja mal-MUT biex jipprijoritizza l-ħtiġijiet tal-istudenti u l-edukaturi.
Dan il-proċess ra xejn inqas minn 70 laqgħa, fejn fil-fatt sar progress sinfikanti u qbil fuq diversi punti.
Minkejja dan, il-Gvern tenna li jibqa’ miftuħ għal aktar diskussjonijiet u ftehim, la jiġu rtirati d-direttivi attwali, biex jiġu ttrattati l-ħtiġijiet tal-istudenti, jiġu rispettati l-ħaddiema kollha tal-Gvern u jitħares il-prinċipju ta’ ġustizzja industrijali.