Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg qed jiltaqa’ ma’ dawk involuti fit-turiżmu għal taħditiet dwar il-pjanijiet, l-isfidi u l-inizjattivi ta’ sostenibilità tagħhom f’din l-industrija daqstant importanti.
Hekk kif ġie fdat bir-responsabilità tat-turiżmu ġimagħtejn ilu, id-Deputat Prim Ministru stieden lill-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw l-operaturi ewlenin tal-industrija għal dawn it-taħditiet.
Wara laqgħat t’introduzzjoni mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u entitajiet governattivi u awtoritajiet oħrajn, din il-ġimgħa d-Deputat Prim Ministru Borg beda laqgħat ukoll mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA), l-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering(ACE), l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex (GTA), il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji (GRTU), il-Federazzjoni Maltija tal-Organizzazzjonijiet tat-Tagħlim tal-Ingliż (FELTOM), l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel Professjonali tal-Għaddasa (PDSA) u l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżvilupp (MDA).
“Permezz ta’ dawn il-laqgħat, qed nagħrfu fejn il-Gvern jista’ jkompli jappoġġja lill-investituri u l-ħaddiema f’din l-industrija, sabiex inkomplu nsaħħu r-rimonta li rajna f’dan il-qasam f’pajjiżna mill-pandemija ’l hawn,” qal id-Deputat Prim Ministru.
“Minkejja l-pandemija u l-kriżi internazzjonali tal-enerġija, il-Gvern, is-settur privat u partijiet oħra interessati ħadmu flimkien biex idderiġew lil din l-industrija lejn livelli ta’ tkabbir ġodda, b’rekords fin-numru ta’ turisti u fl-ispiża tagħhom f’pajjiżna. Hekk kif inkomplu nħarsu ’l quddiem, qed naqblu dwar viżjoni lejn kif għandna nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess, b’enfasi fuq il-kwalità u s-sostenibilità. Sabiex inwettqu din il-viżjoni jeħtieġ sforz u impenn akbar minn dawk kollha konċernati, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll privat. Ser nibqgħu nappoġġjaw kull inizjattiva tanġibbli f’din id-direzzjoni,” żied jgħid.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu ser ikompli jiltaqa’ m’aktar organizzazzjonijiet involuti fit-turiżmu fil-ġimgħat li ġejjin.