Mill-1 ta’ Jannar, ir-Rumanija u l-Bulgarija se jsiru membri sħaħ taż-żona Schengen biex jiġi fi tmiemu proċess li kien inbeda fl-2011 meta l-Kummissjoni Ewropea iddikjarat li ż-żewġ pajjiżi kienu lesti għas-sħubija.
Dalgħodu, ministri tal-intern mill-Unjoni Ewropea finalment taw l-approvazzjoni tagħhom għal din is-sħubija. Din id-deċiżjoni saret possibbli wara li l-Awstrija, li kienet qed topponi bis-sħiħ dan il-pass, waqt laqgħa f’Budapest ix-xahar l-ieħor, daret favur.
Aktar kmieni din is-sena kien tneħħa l-iċċekjar ta’ dawk li jivjaġġaw bil-baħar u l-arju minn u lejn dawn iż-żewġ pajjiżi. Iżda dan id-dħul għandu marbut miegħu kundizzjoni waħda importanti, dak li xorta jrid isir iċċekkjar fuq il-fruntieri bejn l-Ungerija u r-Rumanija u bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija mill-anqas għall-ewwel sitt xhur tas-sena sabiex ma jkun hemm l-ebda biża ta’ theddid serju għas-sigurtà interna.
Il-kelma mill-anqas timplika li din il-kundizzjoni tista’ tiġi estiża.
Din il-konċessjoni kienet maħsuba sabiex ittaffi t-tħassib persistenti ta’ Vjenna dwar il-migrazzjoni irregolari li l-pajjiż invoka ripetutament biex jimblokka milli sseħħ din is-sħubija.
Dan ifisser li minkejja l-kisba kbira approvata l-Ħamis, it-tneħħija permanenti tal-kontrolli tal-passaporti fuq il-fruntieri mhux se tiġi rrealizzata kompletament u ċ-ċittadini li jivjaġġaw minn pajjiż għall-ieħor xorta se jkunu f’riskju li jiffaċċjaw kjuwijiet u dewmien.