Il-ġonna ta’ Villa Portelli fil-Kalkara, li jmorru lura għas-Seklu 19, ġew irriġenerati f’kollaborazzjoni bejn Project Green u Heritage Malta. Villa Portelli nbniet bħala residenza tas-sajf għan-negozjant magħruf Agostino Portelli u, aktar tard, saret residenza għall-Ammiralli Britanniċi u b’hekk din il-binja tkompli ssaħħaħ l-importanza kulturali u navali tal-istorja ta’ Malta.
Fuq dawn il-ġonna, sar investiment ta’ €3 miljun fi proġett ta’ restawr li rriġenera l-ġonna esterni, waqt li x-xogħlijiet fuq il-villa nnifisha għadhom għaddejjin.
Fit-totalità tagħhom, il-ġonna tal-villa jammontaw għal 5,000 metru kwadru, fejn issa anke permezz ta’ ċentru ta’ interpretazzjoni l-viżitaturi se jingħataw spjegazzjoni dwar l-istorja tas-sit u x-xogħlijiet li qed isiru.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr fil-ġonna kienu mmexxijin minn Project Green, bl-għajnuna ta’ kuraturi minn Heritage Malta biex tiġi assigurata l-protezzjoni tal-post.
Hawn se jitkabbru wkoll ħxejjex u ħwawar għal Taste History li, permezz tagħha, Heritage Malta se toffri esperjenza gastronomika. Il-ġonna se jkunu miftuħin bla ħlas għall-pubbliku kull nhar ta’ Ħadd bejn is-7:30 ta’ filgħodu u l-4:00 ta’ waranofsinhar.
Hekk kif jitlesta x-xogħol ta’ restawr minn Heritage Malta, il-villa se tkun tista’ tospita avvenimenti u attivitajiet bħala parti minn programm ta’ outreach.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, semmiet kif il-proġetti ambjentali qed imissu dimensjonijiet differenti tas-soċjetà, waqt li titjieb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti f’kull aspett.
“Hawnhekk qed nitkellmu dwar spazju ta’ 5,000 metru kwadru li għal dawn l-aħħar 35 sena lanqas biss kien aċċessibli għan-nies. Kien mituq kompletament, kien abbandunat u ħadd ma seta’ jgawdi dan l-ispazju miftuħ u, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tal-Kultura, qegħdin nagħtu dan l-ispazju lin-nies li jistgħu jiġu hawnhekk igawdu dan l-ispazju pubbliku, fl-istess ħin li jkunu qegħdin jaraw ukoll l-użu li kellha Villa Portelli.”
Ministru Miriam Dalli
F’kummenti li ta anke s-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina, tenna li r-riġenerazzjoni tal-ġonna ta’ Villa Portelli għal-lokalità tfisser nifs u spazju ieħor fejn b’mod trankwill persuna tista’ tapprezza l-ġmiel mhux biss ta’ din il-villa biss, iżda tal-lokalità.
Il-Ministru Owen Bonnici faħħar l-isforzi ta’ Heritage Malta biex siti bħal Villa Portelli jiġu restawrati u qal li l-Gvern hu impenjat li jkompli b’inizjattivi mmirati lejn il-preservazzjoni, ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ siti storiċi fuq bażi regolari.
“Ħabbarna li l-ġonna li hemm ma’ Villa Portelli issa se jibdew ikunu miftuħa għall-pubbliku kull nhar ta’ Ħadd wara xogħol li sar bejn Heritage Malta u Project Green biex dawn il-ġonna jiġu ripristinati. Aħna nemmnu li b’dan il-mod inkomplu nsaħħu l-valur komunitarju, anke l-Kalkara, tgawdi dan il-ġid li qed nagħmlu, kif ukoll inkomplu nsaħħu l-identità Maltija li hi magħmula minn dawn l-aspetti storiċi tant sbieħ li jagħmluna dak li aħna.”
Ministru Oweb Bonnici