Mistoqsijiet lill-Fakultà tal-Liġi fl-Università ta’ Malta b’rabta mal-proċeduri kriminali kontra l-lettur tagħha Jason Azzopardi u jekk hux se tkun qed tissospendih sakemm dawn jintemmu, baqgħu mhux imwieġba.
ONE News bagħat mistoqsijiet diretti lid-Dekan tal-fakultà, Dr Ivan Mifsud, l-Erbgħa filgħodu wara li, fil-bidu tal-ġimgħa, l-eks Deputat u avukat tal-għaqda Repubblika tressaq il-Qorti mixli b’disprezz lejn l-istess istituzzjoni wara li ġibed filmati kontra l-liġi u anke l-proċeduri, li suppost jafhom sew.
Azzopardi ġie mħarrek quddiem il-Maġistrat Monica Vella fejn ġie mixli li, fit-2 ta’ Diċembru, ġibed filmat tal-Prim Ministru Robert Abela u tal-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, waqt li kienu fil-Qorti biex, imbagħad, għaddih lill-midja tal-Partit Nazzjonalista biex jixxandar.
Proċeduri tal-Qorti, kif joħroġ proprju minn Kapitlu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta, iċaħħdu lil min jiġbed filmati fil-bini u, meta wieħed jonqos milli jaġixxi b’mod korrett f’dan ir-rigward, il-Qorti għandha s-saħħa bil-liġi li tieħu azzjonijiet xierqa kontrih.
Dan wassal lill-Prim Imħallef Mark Chetcuti biex joħroġ it-taħrika lil Jason Azzopardi.
Fis-seduta ta’ nhar it-Tnejn, ittellgħu jixhdu l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, Eurice Grech Fiorini, iċ-Chief Marshall tal-Qorti, John Micallef, u ċ-Chief Security Officer fl-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, William Aquilina, li lkoll ikkonfermaw li kien Azzopardi li ġibed il-filmat.
Għaldaqstant, ONE News staqsa lid-Dekan Dr Mifsud jekk il-pożizzjoni tal-Avukat Azzopardi għadhiex tenibbli bħala lettur tal-Università li jgħallem studenti li jixtiequ jkunu avukati futuri u jekk, almenu, hux se jiġi sospiż mill-kariga sakemm jintemmu l-proċeduri.
Minkejja dan, il-korrispondenza, permezz ta’ tliet imejls separati, milli jidher waqgħet fuq widnejn torox.
Aqra aktar: