Il-proġetti tal-Public Works fl-aħħar xhur għenu biex pajjiżna jkompli jaħdem għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli
F’konferenza fejn matulha kien immarkat l-għeluq tal-programm tal-Unjoni Ewropea bl-isem ta’ Technical Support Instrument, immexxi mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi kien imfaħħar għall-ħidma tiegħu sabiex ikunu indirizzati u milħuqa l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs).
Matul il-konferenza, Tatyana Teplova, il-Kap tad-Diviżjoni fi ħdan l-OECD iddeskriviet il-ħidma tal-Public Works mil-lat ta’ policy kif ukoll il-proġetti li d-Dipartiment qiegħed imexxi bħala “suċċess u mudell għal entitajiet u dipartimenti oħrajn.”
Matul l-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, spjega kif kull proġett immexxi mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi huwa xprunat minn impenn lejn “l-iżvilupp sostenibbli, li jiżgura li l-proġetti tagħna jkunu prattiċi u allinjati ma’ SDGs usa’ u miri fit-tul.”
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia semma numru ta’ proġetti li permezz tagħhom id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi indirizza wħud mill-SDGs. “Il-proġett tal-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, mhuwiex biss l-ikbar spazju rikreattiv u aħdar fil-pajjiż, iżda wkoll spazju għall-artisti Maltin fejn jistgħu jesebixxu x-xogħlijiet u t-talenti tagħhom.”
Farrugia semma wkoll proġetti ambjentali oħrajn bħall-installazzjoni ta’ 376 infrastruttura solari ġdida f’20 lokalità, ix-xogħlijiet ta’ manutenzjoni li saru fuq numru ta’ ġibjuni biex l-ilma tax-xita ma jintilifx u minflok jintuża mill-bdiewa Maltin u l-ftuħ ta’ Ġnien il-Kunsill f’Birżebbuġa, spazju inklussiv li jilqa’ fih tfal b’diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari kkonkluda jgħid li l-programm li beda tliet snin ilu biex il-proġetti tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi jkunu mibnija fuq Green Transformation Policy bil-fatti, poġġa s-sostenibbiltà fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Public Works.