Nhar Lejlet l-Ewwel tas-Sena se jittella’ kunċert mill-isbaħ għat-tielet sena konsekuttiva fil-qalba tal-Kottonera, bis-sehem tal-artisti The Drop Out Band, Mike Spiteri, Janvil, Jade, Neville u Maestro Joe Brown.
L-attività, li se tkun b’xejn għal kulħadd, tħabbret waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, u ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi.
Mizzi tenna li dan il-kunċert se joffri spettaklu u divertiment għall-familja kollha, filwaqt li se jiġi offrut ukoll trasport għall-attività anke permezz tal-baħar.
“Dan il-kunċert tal-Ewwel tas-Sena se jsir fil-qalba tal-Kottonera fejn se jkun hemm atmosfera mill-isbaħ, għax fil-pożizzjoni li ħa jsir jista’ jara l-atmosfera li hemm. Qed nieħdu ħsieb biex anke jkun hemm estensjoni fil-ħinijiet tat-trasport bil-baħar u anke b’tallinja u l-karozzi.”
Joe Mizzi, Chairman ,Fondazzjoini Kottonera
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari qalet li dan l-avveniment sar imfittex mill-Maltin, l-Għawdxin u anke mill-barranin li jżuruna.
“Inħeġġeġ lill-pubbliku inġenerali biex tingħaqdu magħna f’din l-attività biex tieħdu gost mal-familja kollha u ma’ dawk li se jkunu qed jiġu jżuruna.”
Segretarju Parlamentari, Alison Zerafa Civelli,