Tifla ta’ 11-il sena, liebsa ġakketta tas-salvataġġ u marbuta ma’ par tubi tat-tajers, ġiet salvata ’l barra mill-gżira Taljana ta’ Lampedusa. Hi qalet li kienet qattgħet tlett ijiem fuq il-baħar wara nawfraġju li possibilment qatel aktar minn 40 persuna.
It-tfajla, mis-Sierra Leone, qalet li kienet fuq dgħajsa tal-metall li ġġorr 45 persuna u li kienet telqet jiem qabel mill-belt Tuneżina ta’ Sfax. Hekk kif id-dgħajsa, li ma tantx kienet sodha, salpat matul waħda mir-rotot ta’ migrazzjoni l-aktar perikolużi tad-dinja, iltaqagħu ma’ maltempata, b’mewġ għoli diversi metri u riħ qawwi.
It-tfajla qalet li żewġ persuni oħra kienu inizjalment fl-ilmijiet ta’ madwarha, iżda l-baħar kien ħadhom jumejn qabel.
Hija kienet salvata mill-għaqda filantropika tas-salvataġġ Ġermaniża Compass Collective fis-sigħat bikrin tal-bieraħ filgħodu permezz tal-lanċa ta’ salvataġġ Trotamar III hekk kif b’fortuna kbira l-ekwipaġġ semagħha tgħajjat fid-dlam.
Għalkemm it-tifla kienet ilha ma tiekol jew tixrob diversi jiem u kienet qed tbati mill-ipotermja, il-membri tas-salvataġġ iddeskrivew il-qagħda tagħha bħala waħda stabbli.
Matul il-jum tal-Erbgħa diversi dgħajjes ta’ salvataġġ kienu qed ifittxu fil-lok fejn instabet għal aktar nies li setgħu salvaw inkluż ħu t-tifla li hi qalet li ukoll kien abbord magħha.
L-aħbar tas-salvataġġ tat-tifla ’l barra mill-kosta Taljana u l-imwiet preżunti ta’ aktar minn erbgħin persuna qanqlu l-appelli ta’ diversi entitajiet biex l-Ewropa toħloq passaġġi siguri għar-refuġjati.
Skont il-ġurnal ‘The Guardian’, aktar minn 24,300 persuna għebu jew mietu tul ir-rotta bejn it-Tramuntana tal-Afrika u l-Italja u Malta fl-aħħar għaxar snin.
Minkejja dan, l-NGOs li jassistu lil dawk li jfittxu ażil qed dejjem jiffaċċjaw ostakli akbar fix-xogħol tagħhom, inklużi battalji twal fil-qorti kif ukoll iż-żieda ta’ intimidazzjoni u theddid.