Aġġornat:
Id-Deputat Nazzjonalista li kien imminentament se jirriżenja jidher li sabbat saqajh u għalissa ma jridx jirriżenja wara laqgħa urġenti li saret b’Karol Aquilina u Bernard Grech preżenti.
Is-sorsi mid-Dar Ċentrali qalulna li s-Segretarju Ġenerali caretaker tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino inħakem minn paniku biex jidher ma jikkonfermax l-istorja esklussiva ta’ ONE News qal fi stqarrija li ma hemmx riżenja għalissa.
Jirriżulta li d-Deputat li kien qed jiġi mġiegħel jirriżenja ma jarax għajn m’għajn ma’ Karol Aquilina iżda ma ċediex għall-pressjoni. Kif ġiet żvelata l-istorja ta’ ONE News, Bernard Grech irrabja aktar dwar il-leak u ħalla kollox kif inhu għalissa.
Aktar dettalji se jiġu żvelati fil-ħin li ġej.
Aktar qabel:
ONE News jinsab infurmat minn leaks ġodda fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li se tfaqqa’ dalwaqt riżenja ta’ Deputat mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
L-informazzjoni li għandu f’idejh ONE News tgħid li saħansitra fl-aħħar ħin, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ħassar kull appuntament li kellu u daħal f’laqgħa urġenti man-nies l-aktar qrib tiegħu fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Jirriżulta li l-laqgħa sejjaħha Karol Aquilina li għandu l-kontroll assolut tal-Partit u jordna lill-Kap x’għandu jagħmel, tant li qed ikun hu b’mod ewlieni li jimbotta r-riżenja ta’ Deputat partikolari.