Pajjiżna se jkun qed tospita żewġ artisti rinomati – il-grupp UB40 u l-kantant Taljan Nek – fl-MFCC f’Ta’Qali fis-7 u fit-8 ta’ Marzu 2025 bħala parti mill-Vernal Festival. Din hi opportunità sinifikanti għal dawk kollha li jħobbu u japprezzaw il-mużika.
Fis-7 ta’ Marzu, l-artist rinomat Taljan, li kiseb rikonoxximent internazzjonali b’għadd ta’ suċċessi, iżda b’mod partikolari l-kanzunetta ‘Laura Non C’è’, se jkun fostna għall-ewwel kunċert.
Il-kunċerti ta’ Nek huma magħrufa li jiġbdu l-eluf kbar, inkluż dawk li saru fl-Arena di Verona, waqt li fil-karriera kkollabora anke ma’ artisti, bħal Laura Pausini u Eros Ramazzotti.
Fit-8 ta’ Marzu, imbagħad ikun hawn fostna l-UB40, band Ingliża minn Birmingham, li ġiet ifformata fl-1978 u kisbet suċċessi internazzjonali fil-ġeneri tal-mużika Reggae, Pop u Soul. Fost is-suċċessi famużi tagħhom insibu l-verżjonijiet ta’ ‘Red Red Wine’ u ‘(I Can’t Help) Falling in Love with You’.
Il-biljetti għal dawn il-kunċerti jinsabu diġà għall-bejgħ u jistgħu jinxtraw minn fuq showshappening.com.