Fi tmien din il-ġimgħa, aktar minn 63,000 familja bi tfal taħt is-16-il sena, bi tfal b’diżabilità u dawk li qed jiffosterjaw it-tfal, se jieħdu pagament ta’ €24 miljun.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, fejn intqal li dan hu parti mill-Baġit 2025 bit-tema ‘Pajjiż ta’ Kwalità’.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru, Mark Musù, spjega li l-akbar investiment hu dak taċ-Children’s Allowance, li se jolqot aktar minn 41,700 familja, bi 62,000 tifel u tifla. Dan se jsir b’investiment ta’ €18.4 miljun, li jinkludi l-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
Il-ħlas jiġbor flimkien iċ-Children’s Allowance u anke s-Suppliment għal kull wild ġdid.
Ġie spjegat li l-ammont ta’ ħlas taċ-Children’s Allowance hu ta’ €450 għal kull wild. B’dawk il-familji li jaqilgħu l-inqas, il-ħlas ivarja skont l-ammont tad-dħul.
Dwar is-Suppliment tat-Tfal, Musù qal li dan żdied b’€250 fis-sena għal kull wild, biex tul din il-legiżlatura diġà żdied b’€590 meta I-wegħda kienet li jiżdied b’€450 sal-2027.
Dan l-investiment, li se jitħallas fi tmiem il-ġimgħa, jinkludi wkoll żieda fl-Allowance għall-Fostering u l-Allowance għal Tfal b’Diżabilità.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru kkummenta dwar din iż-żieda bla preċedent f’tali investiment.
“Qegħdin nitkellmu li dwar dawn l-erba’ benefiċċji biss, fuq sena, dan l-investiment ħa jkun qed jaqbeż il-€100 miljun. Li, imbagħad, jekk tieħu benefiċċji oħrajn li jitħallsu lill-familji, bħall-In-Work Benefit, bħall-bonus li jitħallas għat-twelid jew adozzjoni u benefiċċji oħrajn lill-familji, inkunu qed nitkellmu dwar investiment annwali li jilħaq il-€130 miljun.”
Segretarju Permanenti Mark Musu